Saturday, November 23, 2024

Qrib l-1,000 talba min-negozji lill-MTA biex jiftħu mill-ġdid

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu: Pajjiżna huwa pajjiż sikur; Kuntenta li se jerġa’ jkollna sajf f’Malta

Minn MARIA AZZOPARDI

Hekk kif pajjiżna għaddej mill-perjodu ta’ tranżizzjoni u qed isiru miżuri speċifiċi biex bħala pajjiż nibdew it-triq għan-normalità, bosta sidien tar-ristoranti laqgħu d-deċiżjoni tal-Gvern li jerġgħu jibdew jiftħu mill-ġdid u jinsabu ħerqana biex joperaw f’ambjenti sikuri aktar minn qatt qabel. Fil-fatt sal-bieraħ daħlu qrib l-1,000 talba fuq il-helpline tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ispetturi tal-istess Awtorità kkonfermaw li r-ristoranti kollha li żaru kienu konformi.

F’kummenti li għamlet ma’ Inewsmalta, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li tinsab kuntenta li se jerġa’ jkollna sajf f’Malta u dan se jkun possibbli wara ħidma kollettiva minn fronti differenti li wasslu ċertifikat li jiggarantixxi li pajjiżna huwa pajjiż sikur. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan kien ikkonfermat kemm mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, kif ukoll mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu fi ħdan il-Ġnus Magħquda.

Hija qalet: “Nedejna numru ta’ protokolli ċari maħduma id f’id mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fejn jidħlu ristoranti, bajjiet, lukandi u lidos fost l-oħrajn u jidher li qed ikun hemm rispons b’saħħtu u pożittiv ħafna min-negozji.”

Il-Ministru għat-Turiżmu qalet li bħala Gvern qed iħadmu l-ewwel magna li hi t-turiżmu intern. Hija qalet li n-negozji laqgħu tajjeb ħafna dawn il-miżuri u qegħdin kontinwament f’kuntatt mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fejn huwa stess bdew jitolbu biex isiru l-ispezzjonijiet qabel ma jiftħu.

Intant, fit-tieni laqgħa virtwali Ministerjali tal-Presidenza Kroata tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet il-pożizzjoni ta’ Malta fuq it-turiżmu dwar il-bżonn li jkun hemm protokolli ċari kif qed isir f’pajjiżna fuq numru ta’ stabilimenti.

Buttigieg: Ninsabu pożittivi għall-miżuri mħabbra; deċiżjonijiet importanti li jippermettu rkupru bil-mod

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) Reuben Buttigieg, qalilna li huma laqgħu kemm il-miżura li tħabbret fil-bidu tal-ġimgħa kif ukoll il-miżura addizzjonali l-ġdida li tippermetti li r-ristoranti joperaw kemm bl-imwejjed fuq barra kif ukoll minn ġewwa.

Huwa qal li jinsabu pożittivi għall-miżuri mħabbra mill-Gvern biex l-ekonomija tibda mill-ġdid miexja ‘l quddiem. Barra minn hekk, ACE tapprezza l-komunikazzjoni mill-Gvern li s-Supplimenti tal-Paga jibqgħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali li qed tiffaċċja l-industrija tar-ristoranti.

Buttigieg qal: “Ħdimna ħafna flimkien mal-MTA u nixtieq minn hawnhekk nesprimi l-gratitudni kbira tiegħi kemm lejn il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lejn il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli. Il-fatt li jkollok l-ogħla awtorità tal-pajjiż li tifmek kien ta’ serħan tal-moħħ u l-maġġoranza tal-membri tagħna apprezzaw ħafna l-ħidma li saret. Il-Prim Ministru kien mill-ewwel proattiv u dejjem żamm kuntatt magħna. Nifmhu wkoll li mhux dejjem possibbli li dak li ngħidu aħna bħala Assoċjazzjoni jitwettaq, imma huwa minn dejjem sab bilanċ ġust tal-affarijiet. L-istess għamlet il-Ministru Julia Farrugia Portelli li għamlet l-almu tagħna biex tifhem l-uġigh ta’ ras li kellna u żammet kuntatt magħna.”

MHRA: Protokolli neċessarji biex kulħadd iħossu komdu u jerġa’ jibda jgħix

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, qalilna li jaqblu mija fil-mija mad-deċiżjoni tal-Gvern u l-miżuri mħabbra marbuta mal-ftuħ tal-istabilimenti u l-protokolli li se jkunu qed jiġi implimentati. 

Zahra qal li dawn il-protokolli huma neċessarji biex kulħadd iħossu komdu jerġa’ jibda jgħix. Huwa fisser li bil-ftuħ tal-istabilimenti, in-nies jistgħu mill-ġdid joħorġu jieklu filwaqt li jiċċelebraw u jieħdu gost, għax sostna li l-ħajja qiegħda hemm biex tgħix. 

Filwaqt li jifhem lil dawk in-nies li forsi jibqgħu jibżgħu biex joħorġu, huwa osserva li hemm ħafna nies li jixtiequ mill-ġdid jibdew jgħixu speċjalment dawk li ħassewhom ftit maqfulin matul dawn l-aħħar ġimgħat. Zahra rringrazzja lill-Ministru għat-Turiżmu u l-MTA li kienu f’kuntatt kontinwu magħhom u ddiskutew it-triq ‘il quddiem flimkien.

Fi stqarrija maħruġa ftit tal-jiem ilu, l-MHRA qalet li l-awtoritajiet mediċi tagħna għandhom bżonn jibqgħu viġilanti u jwettqu r-rwol essenzjali u ta’ rispett tagħhom fis-soċjetà tagħna iżda rridu wkoll nibdew bil-mod indawru r-rota tal-ekonomija tagħna.

Il-MAM tappella biex il-Gvern jipposponi l-miżuri b’ġimgħatejn

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ilbieraħ appellat lill-gvern biex jipposponi l-miżuri li għandhom jiġu introdotti mil-lum minn tal-inqas ġimgħatejn. “Dan għaliex”, qalet il-MAM, “intervent f’waqtu huwa neċessarju biex tiġi evitata t-tieni mewġa li jista’ jkollha konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-poplu Malti u għall-ekonomija”.

Fi stqarrija li l-MAM ħarġet ftit tal-jiem ilu hija qalet li tapprezza l-isforz tal-gvern biex jerġa’ jibda mill-ġdid l-ekonomija u kemm jista’ jkun jiżgura l-għajxien tan-nies. MAM tħoss li r-riskji mediċi serji li jirriżultaw minn tali miżuri jistgħu jiġu evitati biss minn informazzjoni onesta u imparzjali, dixxiplina stretta dwar id-distanza soċjali, u iġjene li hija regolata u infurzata b’mod vigoruż bil-multi.

Il-MAM qalet li l-ftuħ ta’ ristoranti mhux se jkun soġġett għal regolamenti imma għal linji gwida li mhumiex obbligatorji u mhux infurzabbli mill-multi. Il-MAM sostniet li dan imur kontra l-prinċipji bażiċi tas-saħħa pubblika fejn l-infurzar huwa essenzjali biex jipproteġi l-pubbliku ġenerali.

Sport