Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li wasal biex jintemm il-proċess sabiex ikunu liċenzjati il-kuntratturi kollha li jmissu mal-industrija tal-bini, u li se tiddaħħal leġislazzjoni dwar skills card. Dan filwaqt li se jsiru wkoll emendi għal-Liġi tal-Kondominja minħabba r-realtà tal-fatt li aktar minn nofs il-popolazzjoni f’Malta llum tgħix f’appartamenti.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar dan f’konferenza stampa li indirizza dalgħodu b’rabta mal-budget 2023.
Meta tkellem dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Ministru Zrinzo Azzopardi elenka l-ħidma li għaddejja, fosthom kif qed jiġu finalizzati diskussjonijiet, fosthom mal-Kamra tal-Periti, fuq l-ewwel abbozz tal-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini li se jkun jittratta t-twaqqigħ, skavar u strutturi. Kif jitlesta dan il-Kodiċi se jmur għall-konsultazzjoni pubblika.
Dwar l-iskema Irrinova Darek, li tħeġġeġ riġenerazzjoni sostenibbli ta’ bini residenzjali fil-gżejjer Maltin, l-Awtorità qed tevalwa aktar minn mitt applikazzjoni taħt din l-iskema li permezz tagħha sidien se jingħataw sa massimu ta’ €15,000.
Dwar is-settur tal-kostruzzjoni huwa qal li jeħtieġ inħarsu lejh minn dimensjoni differenti fejn naraw kif l-entitajiet li jipprovdu servizzi konnessi mas-settur ikunu tassew qed jaqdu lin-nies u l-aspettattivi tagħhom.
“Jeħtieġ li sseħħ evoluzzjoni u tiġdid tas-settur tal-kostruzzjoni u tal-iżvilupp tal-bini biex ikollna kwalità aqwa u nwieġbu għal dak li qed jgħidulna n-nies dwar dawn l-oqsma. Jeħtieġ bidla biex dan is-settur ikun aktar sostenibbli.”
Stefan Zrinzo Azzopardi
Huwa spjega kif il-Ministeru għaddej b’ħidma ta’ konsultazzjoni mal-organizazzjoni Maltija ESG Platform u kif magħhom qegħdin jiġu diskussi aġġornamenti meħtieġa fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni biex tintlaħaq effiċjenza enerġetika f’kull binja ġdida u anke f’bini li jkun qed jiġi rinovat. Il-Ministru qal illi l-banek se jkunu qegħdin jagħtu każ dan il-fattur f’kull deċiżjoni li jieħdu għall-finanzjament ta’ proġetti u kif huwa importanti li l-Banek, u l-istituzzjonijiet finanzjarji, jibdew jinfurmaw lill-klijenti tagħhom kif se jkun qed jinbidel ix-xenarju tal-finanzjament ta’ kull tip ta’ bini.
Dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif qedikunu studjati emendi għall-qafas leġislattiv li jirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għandhom ikunu emendati r-regolamenti dwar il-kostruzzjoni biex fost affarijiet oħra jissaħħu r-responsabbiltajiet tal-klijenti u ta’ project supervisors.
Huwa żied biex jinnota l-fatt li fl-aħħar xhur kellna għadd sostanzjali ta’ mwiet jew korrimenti ta’ ħaddiema barranin. Qal li fid-dawl ta’ dan, l-OHSA qiegħda tagħmel kuntatti ma’ mexxejja ta’ komunitajiet ta’ barranin f’Malta biex ikunu organizzati sensiela ta’ laqgħat informattivi għal dawn il-ħaddiema barranin.
Meta tkellem dwar l-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Awtorità se tkun qegħda tagħmel xogħol biex ikunu aġġornati politika dwar l-estetika flimkien ma’ miżuri li jħeġġu żvilupp aktar komprensiv, uniformi u li jirrispetta aħjar l-ambjent urban ta’ pajjiżna. Huwaqal li qed jitkompla l-proċess ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-policies dwar l-ippjanar bil-għan li pjani u policies ġodda jkunu jqarrbu aktar lejn l-obbligi nazzjonali marbuta mal-izvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima u l-ambjent.Żied jgħid li qed ikompli javvanza x-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-Istrateġija Spazjali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, magħruf bħala SPED li dokumenti minnu mistennija jitressqu għall-konsultazzjoni pubblika matul is-sena li ġejja.
Dwar id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi,matul is-sena li ġejja ħa jkompli jwettaq diversi proġetti mifruxa mal-pajjiż kollu bil-għan li jagħti dehra isbaħ lil-pajjiż, jipprovdi faċilitajiet għal kwalita ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin u jikkollabora ma’ Kunsilli Lokali fi proġetti għall-Komunitajiet tagħna. Fost dawn il-progetti hemm il-bini ta’ parkeġġ taħt l-art b’żewg livelli fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali u ser tiġi organizzata ż-żona eżistenti tas-suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali. Flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, ser tinbena binja ġdida li takkomoda Ċentru tas-Saħħa u Librerija Pubblika, filwaqt li se isiru proġetti ta’ spazji miftuħa ġodda f’Ta’ Ramija fis-Siġġiewi u f’Misraħ San Nikola f’Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li l-ħidma tal-Ministeru se tkun diretta biex flimkien ma’ li stakeholders kollha f’dawn is-setturi titfassal it-triq ’il quddiem għal żvilupp aktar sostenibbli u jingħataw tweġibiet għal dak li qed jistennew in-nies.