Tuesday, July 29, 2025

Qtil doppju fil-Kunċizzjoni

Aqra wkoll

Il-ħemda li hi magħrufa għalih iż-żona tal-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat inkisret kompletament illejla hekk kif ftit qabel is-sitta u nofs ta’ filgħaxija instemgħu xi sparaturi. Jidher li għal xi ħin kien hemm kommossjoni fuq il-post u ftit minuti dehru telgħin sparati it-Telgħa magħrufa bħala ‘Ta Bieb ir-Ruwa’ xejn inqas minn erba’ karozzi tal-Pulizia u żewġ ambulanzi. L-ambulanzi waqfu eżatt biswit il-kappella imma minn l-ewwel informazzjoni li inġabret minn fuq il-post  instab li kien hemm żewġ persuni  irġiel bla ħajja. L-aggressur jidher li laħaq ħarab minn fuq il-post. 

L-irġiel maqtulin wieħed se jagħlaq 52 sena u l-ieħor għandu 57 sena.  Il-persuna  li se jagħlaq 52 sena joqgħod ir-Rabat, waqt li dak li għandu 57 jgħix is-Siġġiewi. Il-Pulizija tard ilbieraħ filgħaxija ikkonfermaw li l-aggressur hu persuna li tgħix f’Ħaż-Żebbuġ u għandu 72 sena.  Dan filfatt ġie arrestat aktar tard filgħaxija.

Il-qassis li kien se jqaddes mar jassisti

Proprju x’ħin seħħ id-delitt kellu jkun hemm quddiesa minn Fr Joe Abela fil-kappella tal-Kunċizzjoni li tinsab proprju ftit passi bogħod minn fejn seħħ id-delitt. Il-quddiesa jattendu għaliha għadd ta’ parruċċani u nieś tal-viċinanzi. Minħabba l-kommossjoni kbira  li inqalgħet, Fr Joe mar jagħti l-assistenza tiegħu kif setà. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li s-sitwazzjoni xejn ma kienet faċli u rringrazzjaw lil Fr Abela tal-isforz tiegħu f’mument ta’ kommossjoni kbira. Jidher li l-vittmi bdew jingħataw l-ewwel għajnuna minn qraba u nies oħra li kien hemm fuq il-post. 

Il-quddiesa bdiet madwar kwarta tard f’hemda kbira b’dawk preżenti ssummati. Fr Abela deher imbikkem għall-aħħar u leħnu miksur.  Għal xi ħin fl-isfond instema’ ukoll għajjat u biki ġej minn bini biswit il-kappella.

Minn informazzjoni li ġabar Talk News minn fuq il-post jidher li kemm iż-żewġt irġiel maqtula kif ukoll l-allegat aggressur jiġu minn xulxin. Allegatament jidher li l-familjari tal-persuni għandhom diversi raba’ fil-qrib. Allegatament il-kwistjoni eskalat u spiċċat b’diversi sparaturi. 

Jidher li l-mottiv tad-delitt kien stabbilit, hekk kif persuni li kienu fil-post tkellmu mal-Pulizija. 

Persuni li allegatament semgħu l-isparaturi, indikaw li l-aggressur ma jgħix fil-Kunċizzjoni imma jgħix Ħaż-Żebbuġ. Waqt li esprimew il-ħasda u x-xokk li kellhom għal dak li raw quddiemhom, qalu li wieħed mill-vittmi jiġi it-tifel tas-sieħba tal-aggressur waqt li l-vittma l-ieħor jiġi r-raġel tat-tifla ta’ l-istess sieħba. 

Filfatt mal-wasla tal-Pulizija huma ingħataw l-informazzjoni ta’ min kien l-aggressur. Immedjatament fuq il-post inġabru għadd ta’ famljari u persuni oħra li jgħix fil-qrib, li damu hemm sa tard filgħaxija meta il-vittmi ta’ l-isparaturi ittieħdu minn fuq il-post. 

Il-Pulizija bdew immedjatament tfittxijiet kemm fl-inħawi tal-Kunċizzjoni u anke l-Baħrija. Kollox jindika li l-arma ma instabitx fuq il-post tad-delitt.

Sal-bieraħ filgħaxija l-Pulizija kienet għaddejjin bi tfittxijiet għal aggressur f’diversi żoni li hu magħruf li jiffrekwenta. It-tfittxijiet jidher li saru ukoll f’Ħaż-Żebbuġ. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, apparti t-tfittxija għall-aggressur se tkun qed tiffoka biex tistabbilixxi x’tip ta’ arma intużat f’dan id-delitt.  Sa tard ilbieraħ filgħaxija kien għadu ma ġiex konfermat kemm ġew sparati tiri. Dan mistenni jkun konfermat fis-sigħat li ġejjin. 

Fuq il-post mar il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud li fetaħ inkjesta dwar il-każ u ħatar bosta esperti biex jassistuh.

Ftit bogħod minn fejn seħħ dan id-delitt doppju, kienet inqatlet Sylivia King fit-3 ta’ April tas-sena 1993.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport