Monday, March 2, 2026

Qtil doppju fir-Rabat: it-tiri fatali ġew sparati minn distanza ta’ madwar żewġ metri

Aqra wkoll

Esperti fil-ballistika xehdu fil-Qorti li t-tiri li wasslu għall-mewt ta’ żewġt irġiel fir-Rabat ġew sparati minn distanza li ma qabżitx iż-żewġ metri.

L-akkużat, Carmelo Ciantar, magħruf bħala “Id-Durga”, qed jiffaċċja akkużi b’rabta mal-qtil doppju ta’ Anthony Agius u Dennis Mifsud. Kontrih hemm ukoll akkużi ta’ ħruq volontarju kif ukoll pussess irregolari ta’ arma tan-nar.

Patrick Farrugia, espert fil-ballistika fi ħdan id-Dipartiment tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità (CPD), xehed flimkien ma’ żewġ uffiċjali oħra tal-istess dipartiment dwar l-investigazzjonijiet li saru. Huma qalu li ġew maħtura biex imorru fuq il-post tal-inċident sabiex jeżaminaw u jippreservaw evidenza ballistika, jiġbru materjal rilevanti ieħor u jħejju rapport dettaljat tas-sejbiet tagħhom.

Meta waslu fuq il-post, l-esperti sabu żewġ vittmi. Wieħed mill-katavri kien jinsab barra, filwaqt li t-tieni vittma nstabet bilqiegħda wara r-rota ta’ vettura. Mill-ewwel osservazzjonijiet tagħhom, deher li t-tnejn li huma kienu sfaw milquta minn tiri ta’ arma tan-nar. Ġiet ippreparata wkoll ‘sketch’ dettaljata tal-post sabiex tiġi dokumentata l-pożizzjoni tal-katavri u evidenza oħra relatata mal-każ.

Mill-vettura tal-akkużat ġiet irkuprata arma tan-nar, li ġiet issiġillata u elevata bħala prova. L-arma ġiet miżmuma f’post sigur għal aktar eżamijiet forensiċi.

L-esperti fil-ballistika attendew ukoll għall-awtopsji li saru fuq iż-żewġ vittmi. Anthony Agius kien ġarrab tliet feriti minn tiri ta’ arma tan-nar, filwaqt li Dennis Mifsud kien sofra ferita waħda, li laqtitu f’rasu. Agius intlaqat f’partijiet differenti ta’ ġismu, inkluż fiż-żona tas-sider, taħt l-għonq u fl-istonku.

Mill-eżamijiet li saru fuq l-arma rkuprata, ġie stabbilit li setgħu jitpoġġew fiha tliet balal — waħda li tkun se tintuża biex tispara u tnejn oħra bħala riżervi. Inġabru wkoll kampjuni mill- arma sabiex jitqabblu mal-marki li nstabu fuq il-balal li ġew sparati. Il-balal li nstabu f’kamra fil-qrib u mill-vettura tal-akkużat instabu kompatibbli ma’ dawk użati.

L-esperti wettqu wkoll testijiet biex jiddeterminaw id-distanza minn fejn ġew sparati t-tiri, u kkonkludew li dawn ġew sparati minn distanza li ma taqbiżx iż-żewġ metri.

Min-naħa tagħha, l-esperta fid-DNA Marisa Cassar xehdet li fuq numru ta’ ħwejjeġ tal-akkużat instabu traċċi tad-demm tal-vittmi.

Il-kawża mistennija tkompli tinstema’ fis-26 ta’ Marzu fid-9.00 ta’ filgħodu.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Ġenerali Anthony Vella, assistit mill-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Cheyenne Mangion. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Adreana Zammit, Anthea Bonnici Zammit u Francesca Zarb, filwaqt li l-familji tal-vittmi huma rappreżentati mill-avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u David Chetcuti Dimech.

Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport