Is-sieħba ta’ Carmelo Ciantar li jinsab mixli bil-qtil doppju fl-inħawi tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, xehdet fil-Qorti li hi kienet tat biċċa art kull wieħed liż-żewġ vittmi, lil binha u lir-raġel ta’ bintha, filwaqt li tat biċċa oħra lill-akkużat, b’dan tal-aħħar iżda ried biċċa mill-proprjetà tal-vittmi biex jagħmilha mansab. Hija sostniet li dejjem qaltlu li ma kienx possibbli li dawn it-tnejn jagħtuh biċċa mill-art tagħhom, kif kienu sostnew huma stess magħha.
Agnes Mifsud xehdet dan dalgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Ciantar li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Anthony Agius u Dennis Mifsud nhar id-29 ta’ Lulju li għadda. Ciantar qed iwieġb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fix-xhieda tagħha, Mifsud irrakkontat li l-imputat kien ħabib tar-raġel tagħha qabel miet iżda wara li mietet ommu hija bdiet relazzjoni miegħu li damet għal madwar 10 snin. Tul dan il-perjodu, Ciantar kien jgħix fid-dar magħha fil-Baħrija.
Hija kompliet tixhed li fil-bidu r-relazzjoni tagħhom kienet tajba imma aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, Ciantar beda jirribella u ried ħafna affarijiet. Fil-fatt hija qalet li tatu żewġ biċċiet art fl-inħawi tal-Kunċizzjoni.
Mix-xhieda tagħha ħareġ ukoll li l-artijiet inkwistjoni kienu bi qbiela għandha mingħand il-Gvern u li kienet tieħu ħsiebhom hi. Xi żmien wara tat parti lir-raġel ta’ bintha Toni u lil binha Dennis.