Sunday, November 24, 2024

“Quddiem kull sfida dejjem mxejna bħal sieħeb wieħed”

… Il-Ministru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża Miriam Dalli dwar il-laqgħa tal-lum tal-MCESD

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Id-djalogu mal-imsieħba soċjali huwa prinċipju li nemmnu fih u żgur li mhux se jkun differenti f’din is-sitwazzjoni.” Hekk iddikjarat il-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli meta mitluba tikkumenta dwar il-laqgħa li se ssir aktar tard illum mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.

Temperaturi straordinarji li laqtu lin-naħa t’isfel tal-Ewropa f’dawn l-aħħar jiem ikkawża diversi problemi f’ibliet u pajjiżi differenti, inkluż Malta. Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea għadha kif ħarġet linji gwida għall-iStati Membri ta’ kif jistgħu jippreparaw għall-effetti tal-klima, liema effetti qed jinħassu aktar b’saħħithom u qabel iż-żmien previst mill-esperti.

Kien f’dan l-ispirtu li l-Prim Ministru Robert Abela talab li jitlaqqa’ l-MCESD sabiex jingħata aġġornament tas-sitwazzjoni. Mistoqsija mis-sit Talk.mt il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-Gvern se jkompli jitkellem mal-imiseħba soċjali dwar dak li ġara, “kif konna diġa qed nagħmlu fuq bażi individwali”.

Hi saħqet li l-Gvern jemmen fid-djalogu mal-imsieħba soċjali u li żgur mhux se tkun differenti f’dan il-każ ukoll. Il-Ministru Dalli qalet ukoll li “importanti li f’din il-laqgħa nħarsu wkoll lejn kif se nindirizzaw b’mod aktar mgħaġġel it-tibdil fil-klima u l-irwol ċentrali tal-industrija għal operat aktar sostenibbli.”. Hija fakkret kif dan il-Gvern kontinwament ħadem mill-viċin mal-imsieħba soċjali.

“Dan il-Gvern kien mal-imsieħba soċjali fi żmien il-pandemija; bqajna magħhom anke meta faqqgħet il-gwerra tal-Ukrajna u sploda ‘l fuq il-prezz internazzjonali taż-żejt u l-gass u tajna għajnuna kontinwa biex il-membri tagħhom ma jġorrux dawn il-piżijiet. L-imsieħba soċjali jafu li dejjem hemm, ta’ spalla għalihom,” sostniet il-Ministru Dalli.

Fil-fatt, il-Gvern alloka madwar €400 miljun fuq sentejn f’għajnuna fuq kontijiet, fjuwils u LPG, fost oħrajn. B’referenza għal laqgħa li se ssir illum, Dalli qalet li l-Gvern jinsab lest li jisma’ s-suġġerimenti tal-imsieħba soċjali, sabiex b’hekk jingħaqdu flimkien mas-soluzzjonijiet li qiegħed iħares lejhom il-Gvern.

“Sal-ġimgħa l-oħra stess kont f’laqgħa mal-MCESD biex nagħtu aġġornament f’dak li qed nagħmlu fuq l-ESG – biex in-negozji u l-industriji jiżviluppaw aktar operat sostenibbli u dwar kif dan ukoll jagħmilhom aktar reżiljenti.

Tul dawn l-aħħar snin rajna kif noffru għajnuniet lill-privat biex jinvesti f’dan it-tip ta’ operat, kemm permezz tal-Malta Enterprise kif ukoll permezz tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) li wkoll toffri servizz ta’ awditjar tal-enerġija b’xejn għan-negozju.”

Hija temmet tgħid: “Nemmnu fi Gvern u imsieħba soċjali li jimxu ‘l quddiem bħala sieħeb wieħed. Filwaqt li dan il-Gvern se jkompli jinvesti f’oqsma differenti – inkluż fis-settur tal-enerġija – l-industrija wkoll għandha rwol importanti biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima.”

Sport