Wednesday, July 24, 2024

“Quddiem l-apatija li wera ħaddieħor, aħna wrejna dinamiżmu u ideat”

Aqra wkoll

Fil-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddikjara li quddiem l-apatija li wera ħaddieħor tul din il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, dan il-Gvern wera dinamiżmu u ideat. Huwa stqarr li ta’ kuljum niżel fost in-nies u qagħad jisma’, jifhem, jispjega u jiddiskuti magħhom dwar il-pjan ċar li għandhom biex imexxu ‘l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna fl-Ewropa, pjan li kien jinkludi 10 prinċipji.

Tkellem ukoll dwar pjan ċar ieħor ta’ kif se jkunu qegħdin imexxu ‘l quddiem l-interessi tal-Kunsilli Lokali. Pjan għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex. Hawn Dr Abela sostna li “qed inressqu quddiemkom tim qawwi ta’ disa’ kandidati għall-Parlament Ewropew u 381 kandidat għall-Kunsilli Lokali. Dik hi l-enerġija li għandu dan il-partit.”

Il-Prim Ministru żied jirrimarka li aktar ma qegħdin nersqu lejn it-tmiem tal-kampanja aktar qed iħoss ġew fih dik il-ħeġġa li jkun qrib in-nies biex jibqgħu jwettqu aktar. Qal li min-naħa l-oħra, l-establishment għamel minn kollox biex iwaqqaf il-messaġġ tagħhom.

“Provaw l-ewwel jisfukaw l-attenzjoni billi jixħtu l-attenzjoni fuq l-inkjesta, imbagħad fuq bidu tal-proċessi fil-Qrati. Minn kollox għamlu biex jipprovaw joħolqu dak is-sens ta’ apatija u n-nies nhar is-Sibt ma jmorrux jivvutaw. Qalu li tivvota jew ma tivvotax mhux se jinbidel il-Gvern u lanqas il-Prim Ministru, biex mingħalihom jifxlu lilna.

Dan kollu għamluh b’għan wieħed li jwaqqfuni milli nitkellem magħkom fuq il-pjan tagħna għal dan il-pajjiż li tant inħobbu. Imma ma rnexxilhomx u mhux se jirnexxilhom,” tenna l-Prim Ministru.Huwa kompla billi qal li m’għandniex nistrieħu qabel l-aħħar vot ma jkun intefa’ fil-kaxxa nhar is-Sibt li ġej.

Qal li “l-messaġġ tiegħi lil dawk li qed jaħsbuha jivvotawx… fit-8 ta’ Ġunju morru ivvotaw fuq il-prinċipji sodi li nħaddnu aħna l-progressivi u żommu ‘l barra lil min irid il-gwerer, l-awsterità u l-firda. “Aħsbu sew fuq dak li verament jagħtikom is-saħħa.

L-akbar saħħa jkollkom meta tivvotaw għal kandidati kollha tal-PL fil-Gvern għax dan huwa Gvern tan-nies. Mela jekk tħossu li magħkom sar xi nuqqas, jew għandhom xi weġgħa s-soluzzjoni hi li ssibu lili, lil sħabi tal-Kabinett, lil wieħed mill-Kandidati tagħna, sibu wieħed mil-kunsilliera u ngħinukom bis-saħħa. Imma mhux li ma tivvotawx. Konna, għadna u se nibqgħu nkunu l-Gvern tarka tagħkom.”Il-Prim Ministru temm jgħid li wasal il-mument li l-poplu jerġa’ jkun warajh. “Bikom warajja ma jwaqqafni xejn.

La pandemija. La gwerer u wisq inqas l-establishment. Kemm fadlilna x’niksbu flimkien għal pajjiżna. Kemm fadlilna x’niksbu għal uliedna. Mela ngħaqdu ponn warajja. Erġgħu isilfuni l-fiduċja b’saħħitha tagħkom. Erġgħu saħħuli l-mandat biex inkun il-Prim Ministru. Is-saħħa f’idejkom.”

Ekonomija

Sport