Saturday, December 27, 2025

Quddiem l-inumanità fil-Lvant Nofsani ma tistax isseħħ il-paċi vera

Aqra wkoll

F’Jum il-Milied, Il-Papa Ljun XIV kien qiegħed jiċċelebra l-ewwel Milied minn mindu ġie elett. Fl-ewwel diskors tiegħu, wara jiem pjuttost sieket wassal messaġġ. Ikkundanna t-tbatija tan-nies ta’ Gaża. 

Tbatija kbira li baqgħet anke wara dak li qalu li kien suppost ftehim ta paċi. Għax f’Gaża hemm sitwazzjoni umanitarja mill-agħar. Familji sħaħ  sabu kenn f’tined mix-“xita, ir-riħ u l-kesħa”. Il-Papa appella ukoll biex l-armi jisktu fl-Ukrajna. 

Il-Papa ħares lejn dinja mimlija kunflitti mill-Jemen sal-Myanmar, u appella għall-kompassjoni lejn dawk li ħarbu minn art twelidhom biex ifittxu futur fl-Ewropa u l-Amerika.

Hu talab “ġustizzja, paċi u stabbiltà” għal-Libanu, it-territorji Palestinjani, Iżrael u s-Sirja. 

Imma lil hinn minn dan, persważi li l-messaġġ tal-Papa se jgħaddi bħal żiffa riħ. L-ebda politiku ewlieni mhu se jagħti każ x’qal. Persważi li l-inumanità f’Gaża se tkompli. Sa wara dan id-diskors rajna attakki ġodda f’żona f’Gaża.

Irridu ngħiduha ċara li l-ftehim li qalu li ntlaħaq wassal biss biex naqset l-intensità tal-attakki. L-inumanità u t-tbatija bla qies baqgħet hemm. Xorta baqa’ jkun hemm il-vittmi għalkemm b’rata inqas. 

Ma rridux ninsew li din tajjeb li tinsab f’moħħna, li s-suppost ftehim intlaħaq ta’ malaj meta Gaża litteralment ġiet midħuna. Hu kkalkulat li madwar 90 fil-mija tad-djar inqerdu. Fil-bidu kienu ppruvaw ibellgħuliena meta saret kritika li ntlaqtu residenzi, skejjel jew sptarijiet, li l-attakki kienu qegħdin isiru fuq qagħdiet u bażijiet tal-Ħamas. Hekk kienu ddikjaraw f’dikjarazzjoni wara dikjarazzjoni.

Illum nafu x’seħħ. Qerda totali. Din turik eżattament x’kien l-għan tal-attakki. Dak li Gaża tinkines. Li tinqered. U mal-qerda tal-bini, kien hemm il-prezz uman. Kważi 70,000 persuna ħafna minnhom tfal,  nqatlu b’riżultat tal-attakki. Aktar minn 160,000 persuna spiċċaw feruti. Minn popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 2 miljun persuni, 1.9 miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom. Il-popolazzjoni kollha spiċċat fi kriżi ta’ ġuħ. 270 ġurnalist spiċċaw maqtulin.  Dan apparti tbatijiet oħra.

U metą Gaża kważi inqerdet għal kollox, liema attakki bdew wara l-attakk infami mill-Ħamas, bħal sajjetta fil-bnazzi smajna li ntlaħaq ftehim.  Smajna stqarrijiet assurdi mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Rajna teatrin politiku u diplomatiku sħiħ. It-teatru politiku u diplomatiku tal-waqfien mill-ġlied ta’ Trump f’Gaża mhuwiex uniku. Teatru ibbażat biss fuq kunsiderazzjoni waħda – dik li jimbotta kemm jista’ trijonf personali u dan anke biex jalejna mis-sitwazzjoni xejn sabiħa li għandu f’pajjiżu bi protesti kbar u b’tensjoni ma’ taqta’ xejn fil-persekuzzjoni li għaddejja mill-forzi tal-ordni fuq il-ħaddiema immigranti. 

Dakinhar tal-ftehim smajna dikjarazzjonijiet prematuri bħal “missjoni mwettqa” u ottimiżmu esaġerat. Dan għax l-esperjenza ta’ ftehim ta’ paċi dejjem urietna kemm hemm bżonn rettezza u dettalji preċiżi biex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet.

Konvinti li l-ftehim kellu għan wieħed. Li d-dinja bħal isserraħ il-kuxjenza li l-kunflitt waqaf. U għalhekk għajnejn id-dinja imorru banda oħra.  Kien ftehim li mal-ewwel analiżi tiegħu tinduna kemm hu dgħajjef, speċjalment għal kunflitt bħal dak tal-lvant nofsani li ilu snin twal għaddej. 

Ir-realtà urietna dan. Mindu daħal fis-seħħ twettqu attakki ġodda.  Mietu madwar 300 Palestinjan f’attakki ġodda. 

Ejja ngħiduha kif inhi, ftehim ta’ paċi biex iżomm u dan narawh mix-xejriet tal-istorja, irid ikun hemm il-fiduċja. Trid tkun temmen f’dak il-ftehim. Ma tistax tkun sfurzat, ippressat jew imġiegħel taċċetta ftehim minħabba ċirkostanzi partikolari. Ftehim hekk ma jaħdmux. Iservi biss għal waqfa qasira.

Minkejja l-pompa li bih ġie imbuttat dan il-ftehim, wara biss ftit jiem, erġajna rajna attakki qawwijin mill-forzi ta’ Netanyahu. Dak li ġie ppreżentat minn Trump bħala trijonf tad-diplomazija kien fir-realtà, pawża dgħajfa ħafna. Kien ftehim li issa hu kkonfermat li la waqqaf il-qtil u lanqas ma solva l-bżonnijiet umanitarji ta’ persuni ċivili f’Gaża. 

U issa għandna sitwazzjoni inkwetanti mmens. Minkejja dan is-suppost ftehim issa l-attakki qegħdin ikomplu taħt l-iskuża tat-trażżin tar-reżistenza.  M’hemm ebda d-dubju li quddiem dak li għaddej, l-attakki u l-immaġini ta’ nies u tfal mejtin,  id-dikjarazzjonijiet ta’ paċi jew ‘waqfien mill-ġlied’  jinstemgħu vojta għall-aħħar.  Jinstemgħu redikoli.

U dan seħħ għax dan is-suppost ftehim kien ibbażat fuq teatru tad-diplomazija. Kien ftehim ibbażat fuq inizjattiva li l-għan tagħha kien li l-Istati Uniti u l-President Trump jieħdu krettu tiegħu. Kienet inizjattiva egoista, nieqsa mis-sustanza li b’responsabbilità ngħidu li għan tagħha ma kienx dwar it-tmiem tat-tixrid tad-demm, iżda biss dwar it-tħejjija biex tiġi maħluqa sitwazzjoni li inħolqot ‘rebħa’.  Biex tidher li saret rebħa għall-Istati Uniti u għall-gvern ta’ Netanyahu.

Infakkru li Iżrael u l-Ħamas iffirmaw waqfien mill-ġlied fis-sena 2008, fis-sena 2012, fis-sena 2014, fis-sena 2019, u fis-sena 2021. Dawn imma kollha fallew. Is-suppost ftehim ta’ l-aħħar jiem jidher destinat f’din id-direzzjoni. Għax meta wara ftehim ta’ paċi jew waqfien mill-ġlied, nisimgħu minn naħa jew minn oħra dikjarazzjonijiet ta’ theddid, ritaljazzjoni flimkien ma’ teatrini diplomatiċi biex xi ħadd jidher li rebaħ, ir-riżultat ikun il-falliment ta’ dak is-suppost ftehim. 

U dan il-ftehim fih għoxrin punt. Meta taqrah se ssibu nieqes mis-sustanza. Se tinduna li hu ftehim dgħajjef.   M’hemm ebda dubju li ftehim ta’ paċi li jkun laxk, li faċilment jagħti lok għal interpretazzjonijiet kemm lil naħa u kemm lil oħra, ikunu f’riskju kbir li jispiċċaw falliment. Ftehim li hu nieqes minn strutturi ta’ responsabbilità, minn mekkaniżmi ta’ infurzar tal-istess paċi u skedi ta’ żmien. Ma’ nistgħux ma nirrimarkawx kif minkejja dan il-ftehim, anki fix-Xatt tal-Punent rajna żieda fit-tensjoni.

Paċi għal tul ta’ żmien tintlaħaq biss jekk jintwera impenn għall-ħajjiet ta’ dawk affettwati mill-istess kunflitt, li jkun hemm fiducja bejn iż-żewġ naħat.  Li jkollok ftehim intiż għal teatru diplomatiku u politiku, biex xi ħadd jiskorja l-punti, – biex jieħu krettu, ma jwassalx għall-paċi. Il-paċi tinkiseb b’ħidma bil-kwiet, b’nies li ħafna drabi jaħdmu minn wara l-kwinti, b’ħidma li tinbena biċċa biċċa.  

Minkejja dan, internazzjonalment qegħdin naraw movimenti mad-dinja kollha li qegħdin jipprotestaw u jieħdu azzjonijiet oħra favur il-kawża Palestinjana. Qegħdin naraw attiviżmu jikber u s-solidarjetà tissaħħaħ. Rajna anke ħaddiema bħal dawk tal-portijiet jieħdu azzjonijiet diretti. M’hemm ebda dubju li l-internazzjonalizzazzjoni tal-kwistjoni ta’ Gaża jistħoqqilha li tissaħħaħ.  Dan ma jistax isir bit-teatrini imma b’rieda ferma u fiduċja, li tieqaf darba għal dejjem din it-tbatija umana. 

Ma tistax isseħħ jekk se nibqgħu naraw sitwazzjonijiet inumani għall-aħħar mhux f’Gaża biss imma anke fix-Xatt tal-Punent. X’periklu kien qed joħloq tifel Palestinjan b’rota biex il-militar jeħodhielu u jarmihielu f’żona fejn jintrama l-iskart? X’kien qed jagħmel ħażin Palestinjan qiegħed jitlob fl-art biex ‘settler’ isuq għal fuqu? Dawn huma stejjer li qegħdin nisimgħu u naraw filmati tagħhom kontinwament. Kif tista’ sseħħ il-paċi quddiem din il-mibegħda u quddiem din l-inumanità?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport