Għal din il-quddiesa kienu mistiedna ġenituri li tilfu ’l uliedhom. Il-kliem ta’ faraġ tal-Arċisqof f’dan il-jum għażiż għall-Knisja, hu li jiġri x’jiġri, “l-omm iġorr lil uliedha fil-qalb tagħha. Tant ommijiet, li fil-ċirkustanzi ibsin tal-ħajja, jibqgħu wieqfa ħdejn is-salib ta’ wliedhom. Nitgħallmu mill-qalb tal-omm xi tfisser l-imħabba … L-imħabba tal-omm tibqa’ għal dejjem. Tmur lil hinn mill-mewt. L-ebda mewt ma tista’ teqred l-imħabba tal-omm.”
“It-talba tagħna tkun, li meta l-ommijiet tagħna, minħabba l-inkwiet li nġibulhom aħna l-ulied, ikollhom bżonn il-faraġ, iħarsu lejn din l-omm, li ħdejn is-salib ta’ binha, saret ommna wkoll. It-tbatija tagħha u d-dulur tagħha mhumiex ’il bogħod mit-tbatija u d-dulur tagħna. Ħafna drabi t-tbatija u d-dulur huma l-prezz tal-imħabbiet tagħna. Min ma jħobbx, ma jafx x’jiġifieri dulur; ma jafx x’jiġifieri meta jiġi l-maltemp, meta tiġi l-umiljazzjoni, li tibki fis-silenzju, mingħajr ħadd ma jarak, li qalbek tinqasam bit-turufnament ta’ din il-ħajja. Min ma jħobbx, il-lingwaġġ tad-dulur, ma jafux.”
Mons. Arċisqof qal ukoll li f’din il-festa ddedikata lid-Duluri, għandna nitolbu sabiex Ommna Marija tkun magħna anke f’dawk il-mumenti ta’ tbatija fl-aħħar tal-ħajja. Saħaq: “Qatt ma nabbandunaw is-salib tal-ħajja, anke fi tmiem il-mewt. Ħafna drabi, meta nkunu f’diffikultajiet lejn tmiem il-ħajja, toħroġ minn qalbna dik it-talba: ‘Mulej, ħenn għalih, ħenn għaliha’. U dik it-talba tkun tfisser, li l-Mulej, iqarreb il-mument ta’ tmiem il-ħajja; imma dik it-talba m’għandha xejn x’taqsam mar-rieda li l-mewt inġibuha b’idejna.