Kien hemm sens qawwi ta’ rabja nhar il-Ġimgħa f’Awla 22 tal-Qorti meta l-espert Irlandiż Jeremy Harbinson ma setax jinstab sabiex kif talab huwa stess, jixhed b’mod virtwali f’kawża relatata mal-ordnijiet tal-iffrizar tal-assi ta’ wħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Il-qbil fost dawk preżenti fl-Awla kien li Harbinson qed jgħaddi biż-żmien lill-Qorti. Fil-fatt l-Imħallef Edwina Grima li qed tisma’ l-każ, dehret skomda bis-sitwazzjoni u wara li Harbinson ma seta jinstab imkien, ddeplorat l-aġir ta’ l-espert Irlandiż.
Harbinson tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella biex fi kliemu jikkordina u jissorvelja l-investigazzjoni u l-preparazzjoni tar-riżultati tar-rapport tal-inkjesta li fuq il-bażi tal-konkluzjonijiet tagħha eventwalment ħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ħafna nies oħrajn. Tax-xogħol li wettaq Harbinson tħallas €11-il miljun.
Jispara f’saqajh
Avukati li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalu li b’dan l-aġir arroganti tiegħu Harbinson qed jispara f’saqajh għax qed jagħmilha ħafna iktar diffiċli ghalih li fi proċeduri oħra relatati mal-konċessjoni tal-isptarijiet, tkun aċċettata t-talba tiegħu li wkoll jixhed bil-video conference.
Is-sitwazzjoni f’Awla 22 nhar il-Ġimgħa kienet surreali b’tentattiv wieħed wara l-ieħor ma jwasslux biex jinstab Harbinson. Nies differenti għal tul ta’ ħin konsiderevoli ipprovaw jaqbdu mal-espert Irlandiż, iżda mingħajr suċċess.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-avukati difensuri staqsew jekk l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew il-Pulizija kellhomx mod kif isir kuntatt ma’ Harbinson, bl-avukat Francesco Refalo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jwiegeb li huma qatt ma tkellmu mal-esperti. L-avukati difensuri ilkoll saħqu li l-esperti ħadu l-miljuni u issa sparixxew u ma jridux jiġu Malta biex kif inhu d-dover tagħhom iwieġbu dwar xogħolhom.
Ma jistax jivvjaġġa ‘ilbogħod mid-dar
F’kawża separata iżda wkoll dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, l-avukat ta’ Harbinson, Peter Fenech, persuna qrib hafna tal-Partit Nazzjonalista tant li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien għadu jmexxi l-Kummissjoni Elettorali tal-istess partit, fit-12 ta’ Diċembru li għadda kien ressaq talba sabiex Harbinson, minflok jiġi Malta sabiex jixhed, jagħmel dan permezz tal-video conference. Lejliet il-Milied l-avukati Francesco Refalo, Rebekah Gatt u Shelby Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talbu lill-Qorti biex tawtorizza lil Harbinson sabiex ikun jista’ jagħmel dan.
Madankollu fis-7 ta’ Jannar u l-għada fit-8 ta’ Jannar, il-Maġistrati Leonard Caruana u Rachel Montebello f’digrieti separati kkonkludew li Jeremy Harbinson irid ikun fiżikament preżenti fil-Qorti sabiex jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-avukati difensuri ta’ dawk li qed ikunu akkużati fuq il-bażi tal-inkjesta li tagħha tħallas €11-il miljun.
Il-Qorti kienet anki talbet lil Harbinson jgħid jekk kienx se jkun Malta għas-seduta li kien imiss li fl-14 ta’ Jannar. L-uffiċċju tal-Avukat Generali intalab sabiex fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa jinforma lill-Qorti dwar x’se tkun il-pożizzjoni ta’ Harbinson iżda l-avukati Refalo, Gatt u Aquilina kienu wieġbu li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma hux f’kuntatt ma’ Harbinson u għalhekk ma kienux f’pożizzjoni li jindikaw x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dan l-espert Irlandiż.
It-tweġiba ta’ Harbinson għall-ordnijiet tal-Maġistrati Caruana u Montebello waslet fl-10 ta’ Jannar. Mill-ġdid permezz tal-avukat Peter Fenech, Harbinson reġa’ saħaq li minħabba dawk li sejjaħ bħala ċirkostanzi familjari relatati mas-saħħa ta’ martu, la fil-preżent u lanqas fil-futur prevedibbli, ma jistax jivvjaġġka ‘il boghod mid-dar għax huwa l-unika persuna li jista’ jieħu ħsieb lill-mara. Il-mara ta’ Harbinson kienet direttur fil-kumpanija Harbinson Forensics li tħallset il-€11-il miljun.
Ma jridx ikun wahdu
Harbinson kien informa wkoll lill-Qorti illi kull kjarifika mitluba fuq ir-rapport tal-inkjesta jew fuq xi parti minnha ma tistax tingħata minn persuna waħda iżda jkun hemm bżonn il-preżenza ta’ ħafna esperti flimkien. Għaldaqstant informa lill-Qorti li jinsab lest li jixhed biss permezz tal-video conference u żied li meta jkun se jixhed, irid ikollu miegħu esperti oħrajn li jidentifika huwa. Fl-aħħar nett l-espert Irlandiż ried illi jkun informat bil-quddiem liema għandhom ikunu l-esperti li għandhom ikunu mhejjija biex ikunu miegħu biex iwieġbu permezz tal-video conference.
Wara dan kollu l-Maġistrat Rachel Montebello tat lil Harbinson jumejn ċans biex jipprovdi dokument illi jiġġustifika t-talba tiegħu li ma jiġix jixhed fiżikament f’Awla tal-Qorti f’Malta minħabba s-saħħa ta’ martu. Ma dan kollu Harbinson wieġeb li jrid sitt ġimgħat u mhux jumejn biex jipprovdi dan id-dokument. F’nota mibgħuta lill-Qorti, l-espert Irlandiż qal li ma kienx irnexxilu jkellem lit-tobba li jafu bis-suppost każ ta’ martu u zied li dawn it-tobba ma tawhx appuntament għax fi kliemu stess intqal lilu li l-każ mhux emerġenza. Harbinson qal li l-ewwel ried imur għand tabib tal-familja illi imbaghad jaghmillu appuntament għal sitt ġimgħat wara.
Sadanittant nhar il-Ġimgħa spikkat ix-xhieda tas-Superintendent Hubert Cini li għal mistoqsijiet tal-Avukatessa Gianella De Marco dwar jekk l-akkużati qatt ġewx investigati dwar x’daħal fil-kontijiet bankarji tagħhom, wieġeb li l-pulizija ħarġu l-akkużi fuq il-bażi ta’ dak li kien hemm fl-inkjesta u ma saru ebda verifiki ulterjuri. Għal iktar mistoqsijiet huwa qal li l-pulizija ma setgħetx tinvestiga għax fl-ebda ħin ma kellha aċċess għal x’kien qiegħed jiġri fl-inkjesta.
L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena illi ghaddiet. Ftit tal-ġimgħat wara li kienet ippublikata l-inkjesta l-kumpanija Harbinson Forensics ġiet iddikjarata bħala falluta minn Harbinson innifsu.