Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-CrossFit?
Meta kont għadni nagħmel l-atletika kien ikollna perjodu jissejjah l-‘off-season; fejn ma konniex nittrenjaw daqshekk b’mod intensiv u l-kowċ kien jgħidilna trenjaw xi ħaġ’oħra li mhuwiex ġiri. F’dan iż-żmien fl-2019 iddecidejt nipprova sessjoni CrossFit u kont veru ħadt pjaċir. Niftakar li veru kont batejt peró xorta kont ħadt ħafna pjaċir. Veru apprezzajt li f’temp ta’ nofsiegħa għamilt workout li fih użajt ġismi kollu, mhux saqajja biss bħall-ġiri. L-għada infatti kont erġajt mort sessjoni oħra. Irrealizzajt li kieku xi darba kelli nieqaf mill-atletika, dan kien ikun l-isport li jmiss li nagħżel f’ħajti. Infatti, hekk ġara!
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Irnexxieli nikseb podiums f’diversi kompetizzjonijiet li saru hawn Malta forsthom:
- Malta Fitness Games – Summer Edition 2023 (Team Intermediate level : 1st place)
- The Underworld Games 10th edition (Team Intermediate level: 1st place)
- Malta Fitness Games – Winter Edition 2024 (Team Intermediate level : 1st place)
- Malta Fitness Games – Winter Editon 2025 (Team Intermediate level: 1st place)
Issa nittama li jirnexxieli nakkwista podju fl-itqal kategorija tal-CrossFit li hija l-RX category. Biex tidħol RX bażikament trid tkun taf il-movimenti kollha tal-CrossFit. Inħoss li m’ghadniex ta’ Intermediate. Nixtieq ukoll xi darba nieħu sehem f’kompetizzjoni tal-CrossFit barra minn Malta wkoll għax għadni qatt m’għamiltha.
Kif tqis il-livell tal-CrossFit f’pajjiżna fil-preżent?
Jien naħseb li l-livell hawn Malta huwa pjuttost għoli. F’dan l-aħħar ftit zmien, il-popolaritá tal-CrossFit f’pajjiżna żdied ħafna u kemm ili fiż-żifna jiena sirt naf kemm hawn atleti kapaċi u b’saħħithom f’dan il-pajjiż. Apparti minn hekk għandna nies hawn Malta li ġieli kkompetew f’kompetizzjonijiet barra minn Malta u rebħu u wħud li anke telgħu għall-CrossFit Games. Il-CrossFit Games huma l-ogħla livell ta’ kompetizzjoni li tista’ titla’ għaliha u huwa difficli ħafna biex tikkwalifika għalihom.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Iva, bħala riżorsi qatt ma kelli problema. Hawn Malta hawn xi erba’ gyms tal-CrossFit fejn isiru l-kompetizzjonijiet u dejjem kienu kompetizzjonijiet tajbin u organizzati, fejn sibna kollox li kellna bżonn.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-CrossFit?
Jiena għalissa la ghadni niflaħ miniex beħsiebni nieqaf għax qed inħoss li huwa vera sport ta’ benefiċċju għax fih daqsxejn minn kollox u permezz tiegħu tħaddem ġismek kollu. Apparti minn hekk, kuljum bħala workouts ikollna xi ħaġa differenti u għalhekk qatt ma tiddejjaq għax dejjem hemm xi ħaġa differenti kuljum.