L-eks manager ta’ Liverpool u Newcastle, Rafael Benitez, qed jirritorna fit-tmexxija wara li ġie maħtur coach ta’ Celta Vigo.
L-Ispanjol ta’ 63 sena ilu barra mil-logħba minn meta tkeċċa minn Everton f’Jannar tal-2022.
Benitez, li kellu wkoll perjodu ta’ manager temporanju ma’ Chelsea, aċċetta kuntratt ta’ tliet snin mal-club ta’ La Liga.
Huwa ħa post Carlos Carvalhal, li telaq fi tmiem l-istaġun wara li għen lil Celta jevitaw ir-relegazzjoni.
Celta spiċċaw tliet punti ‘l fuq miż-żona l-ħamra fit-13-il post, wara li fl-aħħar ġurnata għelbu liċ-champions Barcelona biex jiggarantixxu s-salvazzjoni.
Il-club qal li l-eks manager ta’ Inter, Real Madrid u Napoli, Benitez, “għandu esperjenza kbira fuq il-bank b’karriera diffiċli biex titqabbel”.
Benitez rebaħ iċ-Champions League tal-2005 u l-FA Cup tal-2006 ma’ Liverpool u l-Europa League tal-2013 waqt il-perjodu temporanju li kellu ma’ Chelsea. Huwa mexxa wkoll lil Newcastle għall-promozzjoni miċ-Championship.