L-attakkant ta’ AC Milan, Rafael Leao, qed jitqies bħala mira potenzjali ta’ trasferiment għal Arsenal u Newcastle United.
Filwaqt li l-player ta’ 22 sena ma mpressjonax daqshekk fl-ewwel żewġ staġuni tiegħu f’San Siro, il-Portugiż gawda staġun 2021-22 aktar produttiv.
Leao skorja tmien goals u pprovda erba’ assists mill-25 dehra tiegħu fis-Serie A u ċ-Champions League, forma li inevitabbilment wasslet għal interess minn clubs oħrajn.
Arsenal u Newcastle qed isegwu s-sitwazzjoni tiegħu mill-qrib, konxji li l-kuntratt tal-attakkant se jkun qed jiskadi fl-2024.
Iż-żewġ clubs se jkunu fis-suq għal attakkant ġdid fis-sajf, bil-Gunners u l-Magpies potenzjalment ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin jekk Newcastle jevitaw ir-relegazzjoni mill-Premier League.
AC Milan, li kważi ċertament se jagħmlu minn kollox biex iżommu lil dan il-player, mistennija jitolbu ferm aktar mit-€30m li nefqu fuq Leao fl-2019.