Raġel јinżamm arrestat b’rabta ma’ ġlieda fil-Belt Valletta, li matulha allegatament aggredixxa lill-Pulizija

Ritratt: TVM News

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena mill-Imsida se jibqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti b’rabta ma’ ġlieda fil-Belt Valletta, li matulha allegatament aggredixxa lill-Pulizija li intervjenew biex iwaqqfu l-argument. L-inċident inqabad ukoll fuq filmat, li fih jidher ir-raġel jerfa’ jdejh fuq wieħed mill-uffiċjali.

James Manfrè ġie akkużat li fit-30 ta’ Settembru kkawża ġrieħi gravi lir-raġel li kien involut fil-ġlieda miegħu. Huwa ġie mixli wkoll li kkawża ġrieħi ħfief lil tnejn mit-tliet membri tal-Korp tal-Pulizija li marru fuq il-post, li heddidhom, li ma obdiex l-ordnijiet tagħhom u li kiser il-paċi pubblika.

Fost l-akkużi hemm ukoll dik li naqas milli josserva diversi kundizzjonijiet imposti fuqu bħala parti mill-ħelsien mill-arrest, kundizzjonijiet li kienu nħarġu minn tliet maġistrati differenti.

Waqt is-seduta, id-difiża staqsiet lill-prosekuzzjoni jekk Manfrè kienx taħt l-effett tal-alkoħol meta seħħ l-inċident. Il-prosekuzzjoni spjegat li r-raġel kellu jittieħed l-isptar u għaldaqstant ma sarux testijiet li setgħu jiddeterminaw jekk kienx xurban.

L-akkużat, li ddikjara fil-Qorti li bħalissa ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Madankollu, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Minflok, talbet li fl-ewwel seduta jinstema’ xhud dwar it-testijiet tossikoloġiċi. It-talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Nadia Helena Vella.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukati Justin Brincat u Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Abigail Pomroy. Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.

Il-każ seħħ wara li Pulizija li kienu għaddejjin mit-triq twaqqfu minn persuni li qalulhom li kien għaddej argument bejn żewġt irġiel Maltin.

L-uffiċjali marru fi Triq San Patrizju, fejn sabu liż-żewġt irġiel involuti fl-argument. Fil-mument tal-konfront, iż-żewġt irġiel allegatament qabżu għoli ta’ madwar nofs sular, mill-bankina għal żona li tinsab taħt il-livell tat-triq.

Skont il-każ ippreżentat fil-Qorti, kien f’dan il-punt li Manfrè sar aggressiv lejn il-Pulizija. Waqt li l-uffiċjali kienu qed jippruvaw jimmanettjawh, huwa allegatament ħebb għalihom. Fost dawk involuti kien hemm spettur u żewġ kuntistabbli, bl-ispettur jispiċċa jintlaqat f’rasu.

Aktar membri tal-Korp intbagħtu fuq il-post u l-akkużat ġie arrestat ftit ’il bogħod mill-post fejn kien seħħ il-konfront. Ir-raġel l-ieħor li kien involut fl-argument, ta’ 45 sena u residenti l-Belt Valletta, ġie arrestat ukoll.

Iż-żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi. Aktar tard, l-Ispettur ittieħed ukoll l-isptar għall-kura, filwaqt li wieħed mill-kuntistabbli ttieħed f’Ċentru tas-Saħħa. It-tnejn ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief, filwaqt li t-tieni kuntistabbli ma sofra l-ebda ġrieħi.

B’rabta mal-istess każ kien tressaq ukoll John Pierre Farrugia, ta’ 45 sena u residenti l-Belt Valletta, li fil-Qorti qal li jaħdem bħala bartender. Farrugia ammetta l-akkużi u ġie kkundannat għal 15-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport