Raġel ġie akkużat li nhar is-Sibt li għadda attakka diversi passiġġieri fuq ferrovija ta’ veloċità għolja f’Cambridgeshire, fl-Ingilterra fejn indarbu serjament 11-il persuna. Ir-raġel, Anthony Williams ta’ 32 sena, minn Peterborough, ġie mixli bi 11-il akkuża fosthom attentat ta’ qtil u pussess ta’ arma li taqta u bil-ponta.
Nhar il-Ħadd filgħodu il-puzija arrestat żewġ irġiel iżda wieħed minnhom – raġel ta’ 35 sena minn Londra – inħeles filgħaxija mingħajr ebda azzjoni kontrih wara li l-pulizija kkonkludiet li ma kienx involut fl-attakk.
Dan l-inċident gravi seħħ nhar is-Sibt filgħaxija fuq is-servizz ferrovjarju tas-6.25pm minn Doncaster għal l-istazzjon ta’ King’s Cross f’Londra, li wassal għad-devjazzjoni tal-ferrovija u għal waqfa ta’ emerġenza f’Huntingdon f’Cambridgeshire madwar siegħa wara l-bidu tal-vjaġġ.
Fi żmien tmien minuti minn meta ġew imsejħa l-uffiċjali tal-Pulizija tat-Trasport Brittaniku, żewġt irġiel ġew arrestati fuq il-ferrovija, wieħed minnhom maħsub li ntlaqat b’Taser mill-pulizija wara li beda jxejjer sikkina.
Skont il-pulizija m’hemm xejn li jissuspetta li l-inċident kien att terroristiku u talbet lill-pubbliku biex jgħaddi kull informazzjoni li tista tgħin fl-investigazzjonijiet.
Wara l-attakk, ħdax-il persuna ngħataw kura fl-isptar. Żewġ persuni minnhom baqgħu f’kundizzjoni ta’ periklu għall-ħajjithom, qalet il-pulizija f’konferenza stampa nhar il-Ħadd filgħodu.
L-inċident wassal għal żieda fl-uffiċjali tal-pulizija skjerati man-netwerk ferrovjarju, b’interruzzjoni fil-ferroviji bejn King’s Cross u Peterborough, u l-għeluq tal-istazzjon ta’ Huntingdon għal xi jiem. Is-segretarju tal-intern, Shabana Mahmood, sellmet il-kuraġġ tal-istaff u l-passiġġieri fuq il-ferrovija u kkonfermat li l-attakk ma kienx qed jiġi trattat bħala terroriżmu.

