Sunday, December 22, 2024

Raġel akkużat li hedded lis-sieħba b’sikkina

Aqra wkoll

Senay Berhe ta’ 38 sena mill-Etjopja baqa’ jinżamm arrestat wara li nhar is-Sibt tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li ħebb għas-sieħba tiegħu f’residenza f’San Pawl il-Baħar.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li l-vittma għamlet rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fejn allegat li nhar l-Erbgħa filgħaxija seħħ argument bejnha u bejn is-sieħeb tagħha. L-argument allegatamet kien dwar problemi finanzjarji relatati ma’ binhom ta’ 10 xhur.

Jirriżulta li l-argument eskala tant li l-vittma pprovat titlaq mill-appartament fejn allegatament Berhe qabad sikkina mill-kċina u beda jheddidha biha. Dan filwaqt li qabadha minn għonqha u idha biex ma titlaqx ‘il barra.

Skont dak li qalet il-prosekuzzjoni dan kollu sar quddiem it-tifla l-oħra tal-vittma li għad għandha 9 snin. Bintha rnexxielha taħrab mill-appartament biex tikseb l-għajnuna lil ommha mill-ġara.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi filwaqt li l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara u l-qraba tagħha.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-istess talba sabet l-oppożizzjoni tal-prosekuzzjoni minħabba li l-Qorti għad trid tisma’ diversi xhieda.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport