Sunday, November 24, 2024

Raġel akkużat li hedded lit-tfajla tiegħu u lil ommha… u anke hedded uffiċjali tal-Pulizija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 27 sena mill-Gżira wieġeb ħati tal-akkużi li tressaq bihom quddiem il-Qorti. Hu kien akkużat fost l-oħrajn li ġibed lit-tfajla tiegħu li għad għanda 15-il sena minn xagħarha.

Hu ġie akkużat li nhar l-Erbgħa li għadda fil-Mosta għamel ġsara fuq diversi oġġetti tas-sieħba tiegħu u anke t’ommha, aggredixxa lis-sieħba tiegħu, hedded lis-sieħba u lil ommha, hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll naqas milli jobdi l-ordinijet tagħhom. Hu kien akkużat li kien xurban fil-pubbliku kif ukoll li huwa riċediv.

Għal dawn l-akkużi kollha quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, ir-raġel wieġeb ħati. Id-difiża li kienet immexxija mill-Avukat Charles Mercieca talbet għall-ħelsien mill-arrest liema talba ma sabitx oppożizzjoni tal-prosekuzzjoni minħabba li l-akkużat wieġeb ħati fi stadju bikri.

Il-Qorti laqgħet it-talba u tat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,500, jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema u jkun id-dar bejn it-8pm u l-5.30am.

Is-sentenza se tinqata’ fis-26 ta’ Ġunju. L-Ispettur Audrey Micallef mexxiet il-Prosekuzzjoni.

Sport