Sunday, December 22, 2024

Raġel akkużat li stupra lill-eks sieħba… jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Christian Tanti ta’ 38 sena, residenti l-Ħamrun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra lill-eks sieħba tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-eks sieħba ta’ Tanti kienet għamlet rapport għand il-pulizija wara li bagħtilha xi messaġġi ta’ theddid. Wara li kienu ssejħu s-social workers biex jagħmlu risk assessment, sar magħruf ukoll li l-akkużat kien stuprha.

Il-mara kienet ġiet eżaminata minn tabib ġinekologu fl-Isptar Mater Dei. Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta li għadha miftuħa u għad m’għandhiex ir-riżultati dwar dak li sabu t-tobba.

Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, Tanti wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

L-Avukat Franco Debono li qiegħed imexxi d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u saħaq li l-akkużat m’għandux fedina penali li tista’ toħloq li allarm.

Debono qal fil-Qorti li l-koppja kellhom relazzjoni li damet madwar 9 xhur u anke sa ġimgħatejn ilu l-mara kienet tqila bit-trabija tiegħu. Id-difiża stqarret li hemm messaġġi li juru prova ċara li l-att sesswali twettaq bil-kunsens tal-mara wara li marret minn jeddha f’daru.

Għal dan, il-Prosekuzzjoni qalet li mhux minnu li l-mara kienet tqila u li wkoll għad trid tixhed. Qalu wkoll li l-biża’ ta’ ntralċ ta’ provi hija waħda reali għaliex omm l-akkużat avviċinat lill-vittma u talbitha taħfirlu. L-avukat tal-vittma Mario Mifsud qal li l-akkużi huma serji u li r-raġel kisser ukoll l-appartament tal-mara.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-mara diġà xehdet fl-inkjesta. Hu ngħata l-ħelsien fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Marsa, jiddepożita €7,000 u garanzija ta’ €10,000. Il-Maġistrat Critien ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara u l-familjari tagħha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Colin Sheldon flimkien mal-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport