Sunday, October 27, 2024

Raġel akkużat li wettaq avvanzi sesswali fuq mara f’Baħar iċ-Ċagħaq

Aqra wkoll

Raġel ta’ 52 sena tressaq il-Qorti wara li allegatament wettaq avvanzi sesswali fuq mara mingħajr il-kunsens tagħha.

Ir-raġel, li għandu s-sengħa ta’ bennej u jgħix Ħaż-Żebbuġ, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih illi skonthom nhar is-Sibt li għadda għamel avvanzi sesswali fuq mara ta’ 32 sena mill-Mosta f’karozza f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, però kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll l-avukat tal-vittma oġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat ċaħad din it-talba b’mod speċjali minħabba li l-vittma tinsab itterrorizzata b’dak li ġara tant li f’ħin minnhom il-vittma kellha tinħareġ mill-awla.

Skont il-prosekuzzjoni, dan mhux l-ewwel reat li wettaq l-akkużat hekk kif ħames snin ilu huwa weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin minħabba każ ta’ vjolenza.

L-Ispettur stqarr li lbieraħ meta tkellem mal-akkużat rah jitriegħed u li ftit wara li bdew l-interrogazzjoni beda jibki u ammetta li hu ħati tal-avvanzi sesswali li seħħew fil-karozza.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ordnat li jinżamm arrestat.

Sport