Raġel ta’ 28 sena residenti San Ġwann qiegħed jinżamm arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga, allegatament sabiex tinbiegħ.
Wara sorveljanza fuq is-suspettat, ġie arrestat ilbieraħ waranofsinhar f’Ta’ Qali. Minn tfittxija li saret fuqu u fir-residenza tiegħu nstabu sustanzi suspettati droga kokaina, eroina u kannabis, allegatament lesti għat-traffikar b’valur fis-suq ta’ madwar €10,000.
Il-Pulizija kkonfiskat ukoll vettura u xi flus kontanti. Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti illum għall-ħabta tas-1:00 p.m., quddiem il-Maġistrat Dr Leonard Caruana LL.D.