Sunday, December 29, 2024

Raġel armat iżomm persuni ostaġġi fl-ajruport ta’ Hamburg

Aqra wkoll

Raġel armat matul il-lejl li għadda daħal fuq it-tarmak tar-runway bil-karozza b’kollox fl-ajruport ta’ Hamburg fil-Ġermanja u s’issa għadu qiegħed iżomm il-persuni li għandu miegħu fil-karozza bħala ostaġġi.

Uffiċjali tal-pulizija ilhom mill-inqas 6 sigħat jinnegozjaw miegħu u jaraw x’talbiet qiegħed jagħmel, iżda s’issa jidher li ma kien hemm l-ebda żvilupp.

Fil-karozza miegħu għandu żewġ persuni fosthom tifla. Hu daħal fl-ajruport billi baqa’ dieħel bil-karozza b’kollox minn grada u hekk kif wasal fuq ir-runway beda jitfa’ bombi tal-idejn fid-direzzjoni tal-pulizija. Ir-raġel hu ta’ nazzjonalità Torka u għandu 35 sena.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li miegħu fil-karozza għandu lil bintu li qiegħed iżommha ostaġġa. Omm is-suspettat qiegħda tirraporta li hu ħataf lit-tifla wara kwistjoni ta’ kustodja.

Il-pulzija qalu li r-raġel hu armat sew tant li diġà spara xi tiri fl-ajru hekk kif il-pulizija pprovaw jersqu lejh.

Uffiċjal tal-pulizija kiteb fuq il-midja soċjali li fl-ajruport hemm ammont kbir ta’ pulizija u servizz ta’ emerġenza. “Bħalissa qegħdin jassistu għal sitwazzjoni ta’ ħtif ta’ persuni fosthom tifla,” kiteb l-uffiċjal.

Esperti fil-qasam tal-mard mentali qegħdin jipprovaw jitkellmu mar-raġel bit-tama li jħalli lit-tifla u lil persuna l-oħra joħorġu mill-karozza. Magħhom hemm il-forzi speċjali tal-pulizija Ġermaniża.

Minħabba dan il-każ l-ajruport ta’ Humburg jinsab magħluq.

Ekonomija

Sport