Mill-inqas 4 titfal tal-kindergarden spiċċaw inqatlu fil-Brażil hekk kif raġel armat daħal jispara bl-addoċċ fl-iskola li kienu jinsabu fiha.
Ir-raġel li ġie ddentifikat bħala ġuvni ta’ 25 sena daħal fil-kindergarden għall-ħabta tad-9.00am (ħin lokali).
Mal-persuni mejtin, hemm diversi tfal oħrajn li sofrew xi ġrieħi u skont rapporti fil-midja internazzjonali wieħed mit-tfal jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-pulizija qalu lill-midja Brażiljana, li l-aggressur ta ruħu b’idejh lill-pulizija u bħallisa jinsab arrestat. Rapport qegħdin jgħidu li kien l-aggressur stess li mar waħdu fl-għassa tal-pulizija u talab biex jiġi arrestat minħabba dak li kien għadu kemm wettaq.
L-etajiet tat-tfal huma bejn ħames u seba’ snin minħabba li f’dik l-eta t-tfal Brażiljani jibdew l-ewwel snin tagħhom fl-iskola.
Waqt il-ħin tal-attakk kien hemm 40 tifel u tifla fil-kindergarden u jidher li din l-iskola hija mmexxija minn saċerdoti Kattoliċi.
S’issa għadu mhux magħruf x’wassal biex dan il-ġuvni wettaq dan l-attakk fuq il-kindergarden.