Żewġ investigazzjonijiet separati b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga, wasslu għall-arrest ta’ żewġ irġiel u s-sejba ta’ droga b’valur fis-suq ta’ madwar il-€250,000. Fl-ewwel każ, raġel ta’ 34 sena mill-Malasja, ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan hekk kif waqt tfittxijiet ta’ rutina li kienu qegħdin isiru fuq passiġġieri differenti, ir-raġel, li kien għadu kemm wasal Malta fuq titjira minn Larnaka, deher jaġixxi b’mod suspettuż. Għaldaqstant wara tfittxija li saret fil-bagalja, bl-assistenza ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana, instabu numru ta’ pakketti li fihom kien hemm madwar 20 kilogramma sustanza suspettata kannabis.
F’investigazzjoni oħra, Ingliż ta’ 27 sena kien arrestat waqt li l-Pulizija wettqet konsenja kkontrollata wara li aktar qabel kien kkonfiskat pakkett suspettuż li wasal bil-posta, indirizzat lir-raġel fir-residenza f’Tas-Sliema. Fil-pakkett instabu 2 kilogrammi droga suspettata kannabis.
Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tas-2:00 p.m., quddiem il-Maġistrat Dr Victor Axiak LL.D L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.