Friday, November 22, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ kaċċa illegali; Aktarx spara lejn ċikonja sewda

Aqra wkoll

Raġel Misidjan ta’ 32 sena ġie arrestat lbieraħ b’rabta ma’ kaċċa illegali. Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-7.15 p.m., il-Pulizija mis-sezzjoni tal-ALE, irċeviet rapport li fl-inħawi taż-Żebbiegħ kienu għadhom kemm instemgħu żewġ tiri li x’aktarx kienu immirati lejn ċikonja sewda, tajra protetta.  

Il-Pulizija ġiet infurmata wkoll li fuq il-post fejn instemgħu t-tiri kien hemm vettura li possibilment kienet tal-istess persuna li spara t-tiri.  

Iktar tard, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit irnexxielhom iwaqqfu l-vettura inkwestjoni, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena, fl-inħawi ta’ Ħal Għargħur. Ir-raġel, li joqgħod l-Imsida ġie arrestat u wara li saret tfittxija fil-karozza, instabet arma tan-nar immodifikata, li kienet ikkargata u moħbija f’kompartament wara s-seat.

Sussegwentement, il-Pulizija tal-ALE għamlet ukoll tfittxija fir-residenza tar-raġel fl-Imsida, fejn ġew elevati arma tan-nar u xi oġġetti oħra.  

Is-suspettat ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u għadu qiegħed jinżamm għal iktar stħarriġ. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.

Sport