Raġel ta’ 30 sena residenti x-Xewkija Għawdex kien arrestat b’rabta ma’ sejba t’għalqa għall-kultivazzjoni tal-kannabis.
Il-Pulizija kellha informazzjoni li din l-għalqa qed tintuża biex tiġi kkultivata l-kannabis, u aktar kmieni llum uffiċjali daħlu fiha u sabu madwar 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ u affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga, biex imbagħad din tiġi ttraffikata. Fil-post kien hemm r-raġel li ġie arrestat.
L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet komplew fir-residenza tal-arrestat fix-Xewkija ukoll, fejn hemmhekk instabu iżjed affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.