Wednesday, April 24, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ sensiela ta’ serq fuq anzjani

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena, li wettaq mill-inqas sitt serqiet fuq anzjani li l-età tagħhom tvarja bejn it-52 sena u l-95 sena, ġie arrestat wara jiem ta’ investigazzjonijiet.

Mill-investigazzjonijet illi saru rriżulta li r-raġel kien imur iħabbat f’residenzi fejn jgħixu anzjani u jgħidilhom li kien qiegħed jiġbor xi flus għall-missjoni jew qiegħed ibigħ biljetti tal-lotterija li jitilgħu mal-prima. Imbagħad, kif l-anzjani jidħlu ġewwa biex ituh il-flus, dan jisraqhom.

Irriżulta li r-raġel, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat mill-vittmi, allegatament wettaq is-serqiet fl-aħħar xhur fil-Mosta, fl-Imġarr, f’Birkirkara u fil-Mellieħa.

L-investigazzjonijiet issoktaw ilbieraħ filgħodu, bil-pulizija tidentifika li r-raġel li kien il-Mellieħa u hemmhekk innutawh iħabbat fuq residenza u fetħet anzjana. Immedjatament huwa ġie arrestat u aktar tard saret tfittxija f’residenza f’Ħaż-Żabbar fejn instabu xi oġġetti relatati mal-każijiet ta’ qabel.

L-Ispettur Lydon Zammit, wieħed mill-uffiċjali investigaturi f’dan il-każ qal li “m’aħniex neskludu li twettqu iktar serqiet simili, li iżda ma ġewx irrapportati lill-Pulizija. L-appell tagħna huwa biex min kien vittma, speċjalment anzjani, u li fl-aħħar ġimgħat persuna ħabtitilhom il-bieb biex tbigħilhom biljetti tal-lotterija, iżda m’għamlux rapport lill-pulizija, għandu jċempel fuq in-numru 119 jew imur jagħmel rapport fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.”

Il-persuna arrestata qiegħed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Sport