Sunday, December 22, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ serq u aggressjoni

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u tal-Ħamrun, wasslu biex jiġi arrestat raġel ta’ 25 sena residenti Tal-Pietà b’rabta ma’ żewġ serqiet u aggressjoni fuq persuna oħra.

L-ewwel każ seħħ is-Sibt 26 ta’ Marzu, 2022, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija (2200hrs), meta raġel ta’ 53 sena sofra ġrieħi gravi wara li ġie aggredit u misruq waqt li kien fil-Furjana (dettalji fi Stqarrija Stampa PR 159/22 maħruġa fis-27 ta’ Marzu 2022).

Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jinvestigaw dan il-każ, ilbieraħ, għal xi t-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar (1530hrs), mara ta’ 63 sena residenti Tal-Pietà, daħlet l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun tirrapporta li ftit tal-ħin qabel ġiet aggredita minn raġel li wadbilha flixkun tal-ħġieġ imkisser lejha u laqatha. L- aggressur ħarab minn fuq il-post u l-mara marret iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-kura fejn ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.

Madwar nofsiegħa wara, raġel ta’ 59 sena daħal l-Għassa tal-Belt jirrapporta li kien għadu kemm ġie aggredit u misruq waqt li kien fl-akwati tal-Blata l-Bajda. L-allegat aggressur seraq affarijiet personali u ħarab minn fuq il-post.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-aggressur kien l-istess fit-tliet każijiet, u wara li ġew analizzati filmati minn kameras tas-sigurtà, huwa ġie identifikat bħala l-aggressur u arrestat ilbieraħ filgħaxija fil- Ħamrun.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar stħarriġ.

Ekonomija

Sport