Il-pulizija tar-Renju Unit qalu raġel ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ għalliema, li kienet instabet mejta f’park ġewwa Londra matul il-ġimgħa li għaddiet.
Sabina Nessa, ta’ 28 sena, kienet ħalliet darha fin-Nofsinhar ta’ Londra nhar is-17 ta’ Settembru li għadda fejn hija kellha tiltaqa’ ma’ persuna li kienet taf ġewwa bar. Ġara li hija qatt ma rritornat lura lejn darha, u l-katavru tagħha nstab l-għada waranofsinhar ġewwa ġnien pubbliku. Skont stqarrija maħruġa mill-pulizija, ir-raġel arrestat għandu 38 sena u ġie identifikat biss bħala C.
Il-qtil ta’ Nessa reġa’ qajjem id-dibattitu dwar il-vjolenza kontra n-nisa u dan sitt xhur biss wara protesti kbar li kienu saru fir-Renju Unit b’rabta mal-ħtif, stuputi u qtil ta’ għadd ta’ nisa fin-Nofsinhar ta’ Londra.