Brendan Zammit ta’ 19-il sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni valida.
L-Ispettur Mark Cremona li mexxa l-Prosekuzzjoni qal quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li lbieraħ għall-ħabta tat-3.00pm il-pulizija kienu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fit-toroq. Qal li waqqfu lill-akkużat, u meta staqsewh biex jippreżenta d-dokumenti u wieġeb li m’għandux.
Il-Prosekuzzjoni qalet li meta ġie arrestat, Zammit ikkopera mal-investigaturi. Fil-Qorti ntqal li l-akkużat hu riċediv u ma jridx jitgħallem mill-iżbalji li wettaq fil-passat. Ġie nnutat ukoll li meta twaqqaf mill-pulizija miegħu kellu żewġ minuri ta’ 11 u 12-il sena.
Id-difiża ma kkontestax l-arrest, iżda qalet li Zammit qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Qalet li l-akkużat għadu żgħir u għalhekk jekk jintbgħat il-ħabs ma tkunx l-aħjar għażla għalih. Innotat li l-akkuża prinċipali hi dwar traffiku u għalhekk qalet li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti.
Il-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża tmexxiet mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Jose Herrera.
Aktar kmieni: Raġel arrestat fil-Marsa waqt kontroll tat-traffiku… mistenni li jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej
Ilbieraħ għall-ħabta tat-3.15pm, waqt kontroll tat-traffiku ta’ rutina li sar ġewwa Triq is-Salib tal-Marsa, il-Marsa, il-Pulizija osservaw vettura taqbeż it-traffiku u ddawar id-direzzjoni wara li x-xufier nnota l-preżenza tal-pulizija.
L-uffiċjali minnufih segwew din il-vettura, Range Rover, u għamlu sinjal lis-sewwieq biex jieqaf fejn eventwalment l-vettura twaqqfet.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li s-sewwieq, li għandu 19-il sena, ma kellux liċenzja tas-sewqan jew assigurazzjoni valida. Ġie ukoll ikkonfermat li huwa kien qed jikser xi kundizzjonijiet tal-Qorti b’rabta mal-ħelsien mill-arrest.
Fil-vettura mar-raġel ta’ 19-il sena kien hemm ukoll żewġ minuri ta’ 11 u 12-il sena.
Huwa ġie arrestat, filwaqt li l-vettura nġabret bħala parti mill-investigazzjonijiet.
Aktar tard illum għall-ħabta tal-għaxra tal-filgħodu (1000hrs) huwa ser jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr. Abigail Critien LL.D.