Ilbieraħ, għall-ħabta tat-3.30p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Emvin Cremona, il-Furjana. Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li mara ta’ 28 sena residenti l-Kalkara, innutat raġel qiegħed jisraq mill-vettura tagħha.
Il-vittma ikkonfrontatu, bil-ħalliel jagredixxi lill-mara u wara ħarab minn fuq il-post b’baskett li serqilha. Peress li l-vittma sofriet xi ġrieħi, hija ttieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana sabiex tingħata l-kura meħtieġa, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief. Bl-għajnuna tagħha u tal-filmati tas-sigurtà li hemm fl-akwati, ġie identifikat x’kien liebes l-aggressur u ‘l fejn seta’ ħarab.
Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali bdew bit-tfittxijiet għalih u għall-ħabta tal-5.00p.m., ir-raġel instab fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa, u ġie arrestat.
L-arrestat, li huwa Libjan ta’ 31 sena, mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11.00a.m., quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia, b’akkużi relatati. Il-Prosekuzzjoni ser titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Gabriel Micallef.