Il-Pulizja fl-Indja arrestaw lil raġel akkużat li kkaġuna l-mewt ta’ iljunfant wara li l-annimal kielet pineapple mimlija b’murtali, bil-konsegwenza li l-frotta splodiet f’ħalqha.
L-iljunfant, li kellha 15-il sena u kienet tqila, ma setgħetx tiekol kaġun tal-ġrieħi li ġarrbet u mietet fi xmara fl-istat ta’ Kerala fis-27 ta’ Mejju li għadda.
Intant l-awtoritajiet ħabbru li kienu qed jinvestigaw jekk ir-raġel kienx kaċċatur, jew bidwi li ried joqtol lill-iljunfant biex jissalvagwardja l-ħaxix fl-għelieqi tiegħu.
Il-mewt tal-iljunfant qanqlet rabja kbira fost l-attivisti favur id-drittijiet tal-annimali.
L-element ta’ diforestazzjoni matul dawn l-aħħar 15-il sena wassal biex numru ta’ annimali selvatiċi, fosthom iljunfanti, jidħlu fi rħula biex isibu x’jieklu. Mhux l-ewwel darba li iljunfanti kienu rapportati li kielu l-ħaxix fl-għelieqi tal-bdiewa u saħansitra attakkaw lir-residenti.