Raġel ta’ 44 sena mill-Gambja kien arrestat b’rabta ma’ importazzjoni ta’ madwar 10 kilos sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, b’valur fis-suq li jlaħħaq madwar il-€100,000.
Ir-raġel kien arrestat nhar il-Ħamis wara tfittxija intensiva għalih wara li kien ħalla l-ajruport ta’ Malta mingħajr ma ġabar il-bagalja. Huwa wasal Malta fit-30 ta’ Awwissu minn Lisbona, il-Portugall.
Fil-bagalja nstabu 40 pakkett bid-droga, b’total ta’ 10 kilos ħaxixa tal-kannabis. Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D, li fetaħ inkjesta u minnufih bdew ukoll l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li wasslu biex ġiet identifikata l-persuna.
L-investigazzjonijiet wasslu biex il-pulizija identifikat fejn kien jinsab u ġie arrestat f’ĦażŻabbar. Huwa qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti illum għall-ħabta tal-11:00 a.m., quddiem il-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace LL.D.