Monday, November 11, 2024

Raġel arrestat wara li nqabad bid-droga marbuta mal-parti privata tiegħu

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ informazzjoni dwar allegat traffikar ta’ droga f’San Ġiljan, wasslu għall-arrest ta’ Ingliż ta’ 36 sena.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata b’raġel suspettuż u jista’ jkun għandu d-droga fi Triq Wilġa, San Ġiljan.

Wara osservazzjoni fuqu, il-pulizija avviċinawh però xħin ra lill-pulizija jersqu lejh, ipprova jaħrab minn fuq il-post. Il-pulizija segwewh, waqfuh u minn tfittxija li saret fuqu nstab pouch b’ammont ta’ flus kif ukoll mobile. Għaldaqstant, dan ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan, fejn saret tfittxija iktar intensiva u mal-parti privata tiegħu, instabet marbutra borża li kien fiha madwar 17-il qartas b’sustanza suspettata kokaina.

Sussegwentement, il-pulizija għamlu wkoll tfittxija fil-lukanda li qed jgħix fiha, fejn ġo baskett li kien taħt is-sodda, sabu madwar 20 qartas b’sustanza suspettata kokaina, fost affarijiet oħrajn.

Id-droga misjuba, madwar 60 gramma kokaina, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq kienet tlaħħaq it-€3,000.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tas-2:30 p.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak.

Sport