Saturday, November 16, 2024

Raġel arrestat wara li pprova jaħrab mill-pulizija; Jinstab fil-pussess tad-droga

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena mit-Togo, li joqgħod Birżebbuġa, ġie arrestat wara li pprova jaħrab mill-pulizija, meta allegatament kien fil-pussess ta’ droga.  

Il-Ġimgħa filgħaxija, għall-ħabta tad-8.45 p.m., waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fl-akwati ta’ Triq is-Sajjieda, il-Marsa, innutaw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż. Malli l-pulizija avviċinawhom, wieħed mill-irġiel waddab fl-art borża tal-plastik filwaqt li ħarbu f’direzzjonijiet differenti. 

Il-pulizija ġabru l-borża u telqu jiġru wara ż-żewġt irġiel. Wieħed minnhom ġie arrestat fi Triq il-Marsa, il-Marsa u ttieħed l-Għassa tal-Ħamrun. 

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-persuna arrestata allegatament kienet fil-pussess tal-borża tal-plastik u li fiha kien hemm seba’ pakketti żgħar b’sustanza, allegatament droga kannabis. Fil-pussess tiegħu nstab ukoll pakkett bi droga, suspettata kokaina. 

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li għaddejja tfittxija għall-persuna l-oħra. 

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport