Kien għall-ħabta tas-7.24am tas-Sibt filgħodu meta s-servizz tal-emerġenza ġie msejjaħ fiċ-ċentru tal-kapitali Ingliża wara li raġel irnexxielu jixxabbat mal-Big Ben waqt li kien qiegħed iżomm il-bandiera Palestinjana.
Is-servizz tal-emerġenza ta’ Londra telgħu ħdejn permezz ta’ krejn u bdew jitkellmu mal-raġel biex jikkonvinċuh jinżel magħhom lura. B’kollox in-negozjati mar-raġel damu aktar minn 16-il siegħa u kien għall-ħabta ta’ nofs il-lejl li hu ġie arrestat wara li niżel lura fl-art.
“Din kienet operazzjoni delikata ħafna minħabba l-post fejn kien qiegħed ir-raġel. Ridna li dan ir-raġel ma weġġax, iżda ridna wkoll li l-ebda uffiċjal minn tagħna ma jweġġa’,” qal uffiċjal għoli li mexxa l-operazzjoni.
“Ħdima ma’ diversi aġenziji fosthom anke l-Ħaddiema tat-Tifi tan-Nar ta’ Londra fejn flimkien ma’ uffiċjali oħrajn rajna kif intemmu din l-operazzjoni malajr kemm jista’ jkun u ħadd ma jweġġa’,” kompla jgħid l-uffiċjal.
Konsegwenza ta’ dan l-inċident l-awtoritajiet għalqu l-Pont ta’ Westminster kif ukoll l-entraturi tal-underground ta’ Westminster u Bridge Street.
It-tours ibbukjati li kellhom isiru fil-binja tal-Parlament Ingliż ukoll ġew imħassrin b’mijiet ta’ turisti spiċċaw diżappuntati li ma setgħux iżuru dan il-post storiku.
Għalkemm s’issa mhux magħruf x’kienu t-talbiet tar-raġel, jidher li dawn kienu marbutin ma’ dak li għaddej fil-Medda ta’ Gaża minħabba li f’idu kellu l-bandiera Palestinjana.