Raġel ta’ 31 sena mil-Latvja, qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra waqt li kien qed isuq ir-rota. L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tat-8:30 p.m, fi Triq Bieb ir-Ruwa, ir-Rabat.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab ċiklist midrub fl-art li kien qiegħed jingħata l-assistenza minn xi persuni li nzertaw fl-inħawi.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li ċiklist – ir-raġel ta’ 31 sena – tilef ilkontroll u ħabat ma’ ħajt ta’ sejjieħ.
Fil-post issejħu ambulanza u tim mediku li assistew lir-raġel sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.