Raġel li għandu problema tad-droga nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’diversi akkużi ta’ serq.
Fabian Vella ta’ 43 sena ammetta li wettaq żewġ serqiet minn supermarkets imma ċaħad li seraq flus kontanti minn fuq mara.
L-Ispettur Gabriel Kitcher spjega fil-Qorti kif Vella kien arrestat wara li kienu saru diversi rapporti dwar serq.
Fl-ewwel rapport, mara allegatament sfat misruqa mill-imputat nhar it-2 t’Awwissu li għadda fi Pjazza Antoine de Paul f’Raħal Ġdid, fejn ħadilha €20.
Tlitt ijiem wara, huwa allegatament seraq fwieħa minn supermarket f’Ħal Tarxien u erbat ijiem wara, sar rapport ieħor li l-istess persuna kien seraq laħam minn supermarket ieħor fil-Fgura.
Vella kien mixli bi tliet akkużi ta’ serq, li wettaq reat matul il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u ordni ta’ superviżjoni kif ukoll li kien riċediv.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadya Fiott talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-problema tad-droga li għandu l-imputat u l-fatt li kiser ordni tal-Qorti. Intqal li kien hemm riskju li Vella seta’ jwettaq reati oħra jekk jingħata l-libertà proviżorja.
Id-Difiża saħqet li r-raġel jgħin lil missieru li għandu kundizzjoni medika u li kien għaddej minn perjodu ta’ solitudni iżda bħalissa jinsab f’relazzjoni li huwa ma jixtieqx jitlef.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Karen Cassar.