Sunday, December 22, 2024

Raġel bi problema tad-droga ta’ kuljum jitlob lill-ġenituri tiegħu biex jagħtuh il-flus

… jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel li għandu l-problema tad-droga ripetutament kien qiegħed jitlob lil ommu u lil missieru, li huma anzjani, sabiex jagħtuh il-flus tant li spiċċa biex jagħtihom fastidju u anke kkawżalhom biża’. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tant eskalat li s-Sibt li għadda, il-ġenituri tiegħu stess marru jagħmlu rapport kontra binhom għaliex “ma setgħux jibqgħu sejrin hekk.”

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif tressaq ir-raġel ta’ 33 sena, li ismu mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti, u ġie mixli li uża vjolenza, inkluż dik morali jew psikoloġika, fuq il-ġenituri tiegħu fost oħrajn.

Il-Maġistrat Rachel Montebello, li quddiemha tressaq ir-raġel, semgħet kif l-imputat ilu madwar 20 sena bil-vizzju tad-droga u ta’ kuljum kien qed jitlob il-flus mingħand il-ġenituri tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni semmiet ukoll li tlitt ijiem ilu kien seħħ inċident ieħor fejn l-imputat allegatament qabad sikkina biex ibeżża’ lil missieru, li huwa marid bil-kanċer. Il-missier ippreżenta ċertifikat li kien sofra ġrieħi ħfief.

L-imputat, li talab li jkun assistit minn avukat tal-għajnuna legali, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-imputat lest jipprovdi indirizz alternattiv u li tliet ġimgħat oħra se jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li għad iridu jixhdu diversi persuni fosthom l-allegati vittmi, f’dan il-każ il-ġenituri tiegħu li huwa finanzjarjament dipendenti fuqhom. Dan filwaqt li qalet li hemm il-biża’ li jwettaq reat ieħor minħabba l-vizzju tad-droga li għandu.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fl-istess waqt, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri tiegħu u kien ordnat biex bl-ebda mod ma javviċinahom jew ikellimhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetur Sherona Buhagiar. L-Avukat Wilfred Buttigieg deher għall-imputat mentri l-Avukat Edmond Cuschieri deher parte civile għall-allegati vittmi.

Ekonomija

Sport