Raġel Brittaniku ġie akkużat mill-pulizija Franċiża u mressaq il-qorti b’konnessjoni mal-organizzazzjoni ta’ ‘tieġ finta’ ta’ tifla Ukrena ta’ disa’ snin f’Disneyland ta’ Pariġi. Ir-raġel akkużat, li għandu 39 sena, huwa delinkwent sesswali magħruf u huwa mfittex fir-Renju Unit.
Huwa ġie arrestat meta l-pulizija waslulha rapporti minn “mistieden” għat-tieġ li kellu jsir fil-park tad-divertiment nhar is-Sibt filgħodu mas-sebħ, li qal li kien ġie mikri mill-akkużat biex jinterpreta l-parti ta’ missier l-għarusa. Il-“mistieden” qal lill-prosekuturi li kien tħallas €12,000 biex jinterpreta r-rwol u li rrealizza biss fl-aħħar minuta li l-‘għarusa’ kienet tifla ċkejkna.
Mara li qalet li ġiet mikrija biex taqdi r-rwol ta’ waħda mill-mistidnin fissret kif baqgħet ixxukkjata u nfaqgħet tibki meta waslet f’Disneyland u rat tifla żgħira liebsa l-abjad b’xagħarha kollu mżejjen. Madwar 100 persuna Franċiżi ġew reklutati biex jieħdu sehem fiċ-ċerimonja falza, li kellha tiġi ffilmjata b’mod privat.
Ir-raġel Brittaniku allegatament kien kera Disneyland Paris għal diversi sigħat għal dan it-tieġ finta, li fih huwa kellu jagħmel il-parti tal-għarus. Tliet persuni oħra, inkluża omm it-tifla, u mara zagħżugħa mil-Latvja li kellha tinterpreta l-parti ta oħt l-għarusa u raġel Latvjan ta’ 55 sena ġew arrestati wkoll.
L-akkużat u l-mara Latvjana dehru quddiem imħallef f’Meaux fit-23 ta’ Ġunju u r-raġel ġie akkużat bi frodi, ksur ta’ fiduċja, ħasil ta’ flus, u serq ta’ identità. L-akkuża tgħid ukoll li huwa qarraq u uża karta tal-identità Latvjana falza biex jikri l-post. Disneyland Paris jista’ jinkera minn membri tal-pubbliku barra l-ħinijiet tal-ftuħ.
Ir-raġel Brittaniku, allegatament ġie ikkundannat fil-passat, inkluż għal reati ta’ natura sesswali kontra minorenni.