Saturday, August 2, 2025

Raġel Brittaniku miet wara li trapjant tax-xagħar fit-Turkija mar ħażin

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena mir-Renju Unit li vvjaġġa lejn it-Turkija għal trattament ta’ trapjant tax-xagħar, miet wara li l-operazzjoni ta’ ħames sigħat marret ħażin. Jingħad li r-raġel għamel il-proċedura fi klinika privata msejħa CINIK fiż-żona ta’ Besiktas f’Istanbul. 

Ir-raġel ħassu ma jiflaħx u ttieħed b’urġenza lejn sptar fil-qrib fejn iddaħħal mill-ewwel fit-taqsima tal-kura intensiva, irrapportat l-aġenzija Torka tal-aħbarijiet OdaTV. Minkejja l-interventi mediċi fl-isptar huwa miet ftit wara.

Il-katavru tiegħu ttieħed l-Istitut tal-Mediċina Forensika għall-awtopsja qabel ma ntbagħat lura lejn ir-Renju Unit. Dwar il-mewt tiegħu nfetħet ukoll investigazzjoni.

It-Turkija saret waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin għat-turiżmu kożmetiku grazzi għall-prezzijiet aktar baxxi u l-viċinanza tagħha mar-Renju Unit. Il-kirurgi fil-pajjiż iwettqu madwar 60% tat-trapjanti tax-xagħar fid-dinja.

Huwa stmat li 150,000 Brittaniku vvjaġġaw lejn it-Turkija fl-2022 għal proċeduri kożmetiċi u t-turiżmu mediku qed iħalli aktar minn £2 biljun għall-ekonomija tat-Turkija.

Iżda xi wħud mill-operazzjonijiet, ħafna drabi operazzjonijiet kbar, ma jintemmux kif ippjanat. Filwaqt li eluf ta’ trattamenti ta’ trapjanti tax-xagħar jitlestew mingħajr intoppi kull sena, xi operazzjonijiet spiċċaw ħażin.

Student Franċiż, Mathieu Vigier Latour ta’ 24 sena, neħħa ħajtu wara li għamel trapjant tad-daqna li ma rnexxiex fit-Turkija, imwettaq minn aġent tal-proprjetà immobbli li ppreżenta ruħu bħala kirurgu.

Mara oħra minn Hastings, spiċċat tiġġieled għal ħajjitha b’infezzjonijiet u emboliżmi tad-demm wara l-operazzjoni.

Ftit tax-xhur ilu wkoll kien rappurtat li tfajla li għamlet operazzjoni fl-istonku biex tnaqqas il-piż mietet ftit tal-jiem wara li rritornat bl-ajru mit-Turkija lejn ir-Renju Unit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport