Malti ta’ 37 sena residenti Pembroke kien arrestat kmieni dalgħodu b’rabta ma’ argument li seħħ ġewwa stabbiliment tad-divertiment f’San Ġiljan.
Pulizija li kienu xogħol f’Paceville kienu nfurmati minn ħaddiem ta’ stabbiliment tad-divertiment li kien għadu kemm seħħ argument bejn żewġ persuni, għall-ħabta tas-1.00am.
Immedjatament l-uffiċjali daħlu u ġie identifikat l-allegat aggressur. Il-Pulizija intervjeniet u arrestat lir-raġel filwaqt li ttiħidlu strument żgħir li jaqta’ u bil-ponta, b’mod sigur, biex ma jweġġgħux persuni oħra.
Fl-istess ħin li kien qed isir l-arrest, il-persuna l-oħra involuta fl-argument, Sirjan ta’ 32 sena residenti Ħaż-Żabbar, ingħata l-assistenza minn uffiċjali oħra stazzjonati fiż-żona, li sejjħu għall-assistenza medika hekk kif instab li kellu ġrieħi f’għonqu.
Tim mediku ġie fuq il-post fejn ftit tal-ħin wara ħadu lir-raġel permezz t’ambulanza lejn l-isptar Mater Dei. Aktar tard, huwa kien ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D. kien infurmat u ħatar inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadħom għaddejjin.

