Saturday, November 2, 2024

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li jinqabad bejn inġenji f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Raġel ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident fuq il-post tax-xogħol f’Ħaż-Żebbuġ stess.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30 a.m. fi Triq Mikelanġ Sapiano. Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post u sabu lir-raġel viċin ta’ gaffa u trakk tal-għamla DAF. Jirriżulta li huwa nqabad bejn l-inġenji meta kien qed iċaqlaqhom.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku marru fuq il-post biex jassistu lill-vittma, li aktar tard ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Donatello Frendo Dimech li orndat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Sport