Thursday, December 26, 2024

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li rabtuh f’ħanut tad-deheb biex serqu diversi oġġetti

Aqra wkoll

Kien għall-ħabta tat-8.00pm meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa ħanut tad-deheb fi Triq Dun Ġużepp Żammit, iż-Żurrieq.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u kif waslu sabu l-bieb imsakkar iżda setgħu jaraw raġel marbut bi ġrieħi fuq ġismu. Għaldaqstant, issejjħu fuq il-post tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, fejn kisbu aċċess għal ġewwa u ambulanza ħadet ir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Mill-investigazzjoni irriżulta li żewġ persuni daħlu fil-ħanut, rabtu lir-raġel, serqu diversi oġġetti u ħarbu minn fuq il-post.
Aktar tard, il-vittma, li għandu 67 sena u joqgħod il-Fgura, ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport