Raġel ta’ 28 sena residenti l-Mellieħa, għall-ħabta ta’ 9.45am ittieħed l-Isptar Mater Dei wara inċident fi Triq Tul il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li waqt li ċ-ċiklist kien qed isuq ir-rota, tilef il-bilanċ u waqa’. Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joe Mifsud LL.D li ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Ċiklist jittieħed l-Isptar wara li nstab mal-art f’Baħar iċ-Ċagħaq
Kien għall-ħabta tal-9.45 meta l-pulizija ġew informati li kien hemm ċiklist mitluq mal-art f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Fuq il-post marret ambulanza mill-Isptar Mater Dei li ħadu liċ-ċiklist lejn l-isptar għal aktar kura.
Il-pulizija għadhom qegħdin jipprovaw jistabbilixxu jekk dan ittajjarx minn xi ħadd u baqa’ sejjer jew inkella waqax waħdu.
Il-pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.