Maġistrat iddeċidiet li tpoġġi raġel taħt ‘probation’ għal sentejn wara li sabitu ħati li waqt argument mal-mara xeħtilha ċ-‘chopping board’ u sikkina.
Ir-raġel kien mixli li fl-4 ta’ Novembru 2018, għall-ħabta tal-11.30 a.m., fid-dar tal-koppja f’Pembroke ikkaġuna ġrieħi ħfief lil martu, li beżżaha u li ħebb għaliha.
L-argument inqala fuq l-atteġġjament tal-mara taz-ziju tar-raġel meta dawn żaru lill-koppja.
Il-mara sostniet li żewġha waddbilha s-sikkina u ċ-‘chopping board’ u din laqtitha f’saqajha mentri r-raġel qal li huwa sabbathom u waqgħu imma ma rax lil martu tintlaqat bl-oġġetti.
Wara li semgħet il-verżjoni taż-żewġ naħat il-Maġistrat Simone Grech ikkonkludiet li iktar għandha mill-verità dik tal-mara għax kienu r-raġel sabbat l-oġġetti kienu se jaqgħu ħdejh.
Hija sostniet li huwa irreaġixxa għall-kliem li kienet qed tgħid martu u wara lanqas iċċekkja jekk weġġgħetx u fetaħ il-qattus biex ikun jista’ jiekol it-tiġieġ li kien waqa’ mal-art ħalli ma jintremix.
Meta ġiet biex tagħti l-piena hija ikkunsidrat li l-mara sofriet tbenġil fuq wieħed mis-swaba u li qatt ma kienet irrappurtat każ ta’ vjolenza domestika anke jekk sostniet li dan ma kienx l-ewwel każ.
Kien għalhekk li hija poġġietu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn u rabtitu għall-istess perjodu biex ma jdejjaqx lil martu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer.