Tuna Celik, ta’ 39 sena, ammetta l-akkużi ta’ theddid u vjolenza fil-Qorti u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi, flimkien ma’ multa u ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
Raġel Ġermaniż ta’ 39 sena, Tuna Celik, instab ħati mill-Qorti wara li ammetta l-akkużi kontrih relatati ma’ theddid b’arma u vjolenza kontra żewġ persuni fl-Imsida.
Il-każ seħħ wara li nqala’ inċident marbut ma’ leakage f’appartament. Skont il-provi mressqa, il-landlord kien ċempel amministratur flimkien ma’ plumber biex jindirizzaw il-problema. Meta dawn waslu fuq il-post, l-imputat allegatament ħareġ fuqhom b’sikkina u heddidhom. Iż-żewġ persuni rnexxielhom jaħarbu mill-post u ma ġarrbu l-ebda ġrieħi.
Il-Prosekuzzjoni akkużat lil Celik b’theddid u atti ta’ vjolenza, kif ukoll bi ksur relatat mal-pussess ta’ arma. Quddiem il-Qorti, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-ammissjoni tal-ħtija, il-Qorti kkundannat lill-imputat għal sentejn priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin. Barra minn hekk, imponiet multa ta’ €120 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ vittmi.
L-avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech deher għall-akkużat filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Ian Azzopardi u l-avukat Lennox Vella deher bħala parti ċivili.

