Friday, February 6, 2026

Raġel ikkundannat għomru l-ħabs talli pprova joqtol lil Trump fl-2024

Aqra wkoll

Ryan Routh, ir-raġel li pprova joqtol lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump ingħata sentenza ta’ għomor ħabs fi tmiem ġuri li beda fit-8 ta’ Settembru li għadda. Dan il-każ seħħ fi Trump International Golf Club f’West Palm Beach fi Florida f’Settembru tal-2024. Dak iż-żmien Trump kien il-kandidat presidenzjali Repubblikan.

L-attentat ta’ Routh kien falla wara li aġent tas-Servizz Sigriet tal-Istati Uniti fiż-żona lemaħ kanna ta’ xkubetta ħierġa mill-arbuxxelli u spara lejn Routh, li mbagħad ħarab mix-xena. Huwa ġie arrestat fil-qrib ftit wara.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Aileen Cannon qalet li r-reati ta’ Routh li llum għandu 59 sena, bla dubju jiġġustifikaw sentenza ta’ għomru l-ħabs. Sostniet li minbarra li pprova jassassina kandidat Presidenzjali ewlieni, wera r-rieda li joqtol lil kull min isib ruħu fi triqtu, u minn dakinhar ma esprima la dispjaċir u lanqas rimors lill-vittmi tiegħu. 

Routh li kien wieġeb mhux ħati u għażel li jirrappreżenta lilu nnifsu matul il-ġuri, twieled f’North Carolina u għex f’Hawaii qabel l-arrest tiegħu. Huwa aġixxa ripetutament b’mod erratiku matul il-proċedimenti tal-Qorti, inkluż li sfida lil Trump għal logħba golf u għamel referenzi għal Adolf Hitler u l-President Russu Vladimir Putin.

Wara li ġurija sabitu ħati, Routh ipprova jdaħħal f’għonqu pinna qabel ma l-marixxalli tal-Istati Uniti ndunaw u ħarġuh malajr ’il barra mill-awla.

Filwaqt li mhux maħsub li Routh kellu linja ċara tal-viżibilità fil-mira lejn Trump f’xi ħin matul l-inċident, aġenti federali qalu lill-ġurati li aktar tard irkupraw xkubetta semi-awtomatika b’teleskopju u magazin estiż fil-post fejn Routh kien qed jinħeba.

Barra minn hekk, il-ġurati ntqalilhom li Routh ħalla warajh lista ta’ postijiet fejn Trump x’aktarx kien se jidher, kif ukoll nota għal ħabib tiegħu li ddeskriviet l-inċident bħala “attentat ta’ qtil”.

Fid-dikjarazzjoni tal-għeluq tiegħu matul il-proċess, Routh semma varjetà wiesgħa ta’ suġġetti mhux relatati, inkluża l-istorja tal-Istati Uniti, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-intenzjoni tiegħu li jixtri dgħajsa – u dan wassal lill-imħallef biex ripetutament iwaffqu u jibgħat lill-ġurija ‘l barra mill-awla.

L-inċident fi Florida kien it-tieni attentat fuq il-ħajja ta’ Trump fl-2024, wara li raġel armat fetaħ in-nar f’rally tal-kampanja f’Butler, Pennsylvania, f’Lulju. Dik l-isparatura ħalliet persuna waħda mejta u diversi nies midruba, inkluż Trump. Min spara, aktar tard ġie identifikat bħala Thomas Crooks ta’ 20 sena kien inqatel mill-uffiċjali fuq il-post.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport