Ronan Hughes hu r-raġel ta’ 40 sena li ġie arrestat ilbieraħ wara li l-Pulizija esegwew mandat ta’ arrest Ewropew.
Hu tressaq il-Qorti fejn qed jiffaċċja 39 kap ta’ akkużi ta’ qtil, wara li nstabu mejtin 39 immigrant Vjetnamit fuq wara ta’ trakk f’Essex.
Dawn il-kadavri kienu nstabu f’qasam industrijali fi Grays, Essex, ftit wara li t-trakk wasal minn fuq bastiment li kien ġej minn Brussels. Fost l-oħrajn, instabu l-kadavri ta’ 10 żgħażagħ, fosthom żewġ subien ta’ 15-il sena.
Hughes baqa’ jinżamm arrestat sakemm jinstema’ l-każ dwar estradizzjoni fl-1 ta’ Mejju. Sadanittant, se jkun hemm seduta wkoll għada biex jaraw għandux jingħata ħelsien mill-arrest.