Taljan li allegatament kien involut f’serqa li saret fi Frar tal-2020, fl-aħħar sigħat kien estradit lejn Malta sabiex jiffaċċja akkużi kriminali fil-Qorti.

Is-serqa kienet saret fit-23 ta’ Frar, 2020, meta żewġ persuni sfaw aggrediti u misruqin minn żewġ persuni, waqt li kienu mexjin fi Triq Sir Adrian Dingli, Tas-Sliema. Iż-żewġ ħallellin kienu rekbin mutur u wieħed minnhom niżel minn fuqu, ġera lejn il-vittmi, ħataf arloġġ tad-ditta minn idejn wieħed minnhom u ħarbu minn fuq il-post.
Aktar tard, il-mutur instab mill-Pulizija qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.
Sussegwentament, wieħed mill-allegati agressuri, Taljan ta’ 50 sena, li kien jifforma parti minn dan iċ-ċirku ta’ serq ta’ arloġġi lussużi, kien ġie arrestat u tressaq il-Qorti akkużat li rrenda ruħu kompliċi f’serqa. Huwa ma kienx ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. F’Diċembru li għadda, it-Taljan kien instab ħati mill-Qorti u ġie kkundannat għal piena ta’ seba’ snin priġunerija.
Intant, il-kompliċi l-ieħor kien ħareb lejn l-Italja, fejn ġie arrestat xi żmien wara. Inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, u tard il-Ħamis bil-lejl, ir-raġel inġieb Malta taħt arrest minn Ruma, eskortat mill-Pulizija Maltija.
It-Taljan se jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11.00am, quddiem il-Maġistrat Dr Charmaine Galea LL.D.