Ledjon Brakaj, Albaniż ta’ 39 sena residenti Wied il-Għajn tilef kawża li fetaħ fil-Qorti Maltija fejn ilmenta li l-ħabs fil-Greċja li kien se jinżamm fih kellu wisq priġunieri. Hu kien qed jiġi mfittex mill-Greċja dwar qtil doppju.
L-Albaniż kien tressaq il-Qorti f’pajjiżna fl-20 ta’ Awwissu tal-2022 meta kienet saret talba mill-Awtoritajiet Griegi biex jiġi estradit biex b’hekk ikun jista’ jiffaċċja akkużi fil-pajjiż dwar qtil ta’ anzjana u n-neputi tagħha.
FIl-Qorti kien ġie spjegat mill-Prosekuzzjoni li kien daħal fid-dar tal-vittmi biex jisraq. Kien akkużat ukoll li wara li qatilhom tahom in-nar biex jeqred l-evidenza kollha u kien seraq madwar €780,000 f’oġġetti u flus kontanti.
Meta kien tressaq fil-Qorti f’Malta hu kien oġġezzjona li jiġi estradit, iżda l-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdulu l-oġġezzjonijiet tiegħu għall-estradizzjoni.
Aktar tard hu kien anke fetaħ kawża kostituzzjonali fejn kien ilmenta li jekk se jiġi estradit lejn il-Greċja kien se jinżamm fil-ħabs ta’ Korydallos li jissemma f’rapport tal-Kunsill tal-Ewropa għax għalkemm għandu spazju għal 1,200 priġunier fih kienu qed jinżammu 1,885 u għalhekk kienu se jinkisru d-drittijiet fundamentali.
Iżda l-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ġew infurmati li l-awtoritajiet Griegi għarrfu lil dawk Maltin li Brakaj kien se jinżamm f’taqsima ġdida tal-ħabs b’ċella li fiha 4 metri kwadri.
Għalhekk il-Qorti ċaħdulu l-kawża kostituzzjonali u ordnaw li qabel jiġi estradit l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali jinfurmaw lill-awtoritajiet Griegi bis-sentenzi li ngħataw fil-Qrati ta’ Malta.